Internazzjonali

Ix-Xatt tal-Punent: Militanti maqtula waqt rejd ieħor tal-Iżraeljani

L-Uffiċjali ta’ Iżrael qalu li numru ta’ militanti Palestinjani tilfu ħajjithom waqt rejd mis-suldati Iżraeljani fuq inħawi ftit ‘il hinn mill-belt ta’ Ġeriko. Ingħad li l-azzjoni ħalliet talanqas ħames vittmi, għalkemm ma kienx ikkonfermat jekk dawn humiex kollha militanti.

Ir-rejd kien l-aħħar fost sensiela ta’ azzjonijiet li l-militar Iżraeljan qed imexxi kontra l-militanti matul il-lejl; dejjem bil-ħsieb li jelimina ‘lit-terroristi’ fl-inħawi li jistgħu qegħdin jippjanaw l-attakki ġodda fuq  iċ-ċivili ta’ Iżrael.

Kelliema għall-Qawwiet tad-Difiża Iżraeljani qalu li s-suldati involuti fl-aħħar azzjoni kienu qed jippjanaw biex jarrestaw numru ta’ aggressuri mal-Grupp Iżlamiku Hamas u li jingħad li wettqu l-isparatura ta’ jiem ilu fuq ristorant viċin komunità għal-Lhud lejn il-limiti ta’ Jericho u li fiha ma weġġa ħadd.

Il-grupp militanti tal-Hamas qed jikkontrolla l-Medda ta’ Gaza sħiħa, madankollu l-militanti tiegħu mhumiex daqstant prominenti fix-Xatt tal-Punent – fejn l-ibliet u l-villaġġi, fil-parti kbira, huma mmexxija mill-Awtorità Palestinjana taħt il-gwida tal-Palestinjani sekulari mal-moviment Fatah.

Għaldaqstant, dan ir-rejd, flimkien mal-attività tal-allegati ‘terroristi lokali’ huma affarijiet rari għal Jericho fejn hemm preżenti ammont kbira ta’ qawwiet tas-sigurtà tal-Awtorità Palestinjana.