Internazzjonali

L-Ukrajna: Lesta għal offensiva kbira oħra mill-qawwiet Russi qabel l-anniversarju tal-invażjoni

Għalkemm ir-Russja mgħandhiex ir-riżorsi kollha meħtieġa għal offensiva kbira oħra fl-Ukrajna, il-Gvern Ukren hu konvint li l-qawwiet tal-President Russu Vladimir Putin qed iħejju għal azzjoni militari ‘sinifikanti’ bħala ġest simboliku biex ifakkru l-ewwel anniversarju mill-invażjoni tal-Ukrajna.

Oleksiy Reznikov, li qed jispiċċa minn Ministru Ukren għad-Difiża, qal li pajjiżu qed iħejji għal kull eventwalità u li għalkemm l-Ukrajna mhix se tilħaq tirċievi l-armamenti kollha mwiegħdin mill-Punent sal-aħħar tax-xahar, l-Ukreni xorta għandhom biżżejjed riżorsi u riservi militari biex jirreżistu għall-offensiva l-kbira.

Intant,  il-Kap tas-Servizzi Sigrieti Militari tal-Ukrajna, Kyrylo Budanov, se jkun il-Ministru tad-Difiża ġdid minflok Reznikov – li tilef postu bħala parti minn reshuffle li segwa numru ta’ skandli ta’ korruzzjoni assoċjati mal-Ministeru partikulari.

Fl-istess ħin, Reznikov ċaħad għal rapporti li xi uffiċjali tad-difiża qegħdin iżommu għalihom il-fondi pubbliċi għax-xiri tal-ikel għat-truppi Ukreni. Sadanittant, l-istess Reznikov – li kien fost l-aktar uffiċjali Ukreni li insistew għall-armamenti mingħand il-Punent – qed jingħata d-dekasteru ta’ Ministru responsabbli mill-Industriji Strateġiċi tal-Ukrajna.

Fl-aħħar sigħat, Oleksiy Reznikov wissa wkoll li r-Russja, f’dawn il-jiem għandha tagħti priorità assoluta lill-kampanja militari intiża għall-ħtif tar-reġjun sħiħ tad-Donbas lejn il-Lvant tal-Ukrajna – u fost il-preparazzjonijiet għall-offensivi ġodda fl-artijiet Ukreni tan-Nofsinar.