Futbol Sport

Serie A: Lazio jfallu milli jitilgħu fit-tielet post

(Ritratt: EPA)

Verona v Lazio 1-1

Riżultat sorpriża li iżda ma kellu ebda effett fil-klassifika. Filwaqt li Lazio baqgħu fir-raba’ post b’39 punt, Verona baqgħu it-tielet mill-aħħar b’14-il -punt fi tmiem il-21 ġurnata tal-Kampjonat.

F’mument meta kollox deher li d-difiża ta’ Verona kienet se żżomm l-iskor intatt, fl-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima Lazio fetħu l-iskor. Minn azzjoni ta’ Danilo Cataldi, kien Pedro Rodriguez li għeleb lil Lorenzo Montipo.

Minkejja li Lazio komplew jiddettaw fil-51 minuta b’sorpriza Verona għamlu l-iskor 1-1 . Azzjoni ta’ Darko Lazovic lejn Cyril Ngonge li għeleb lil Ivan Provedel. Riżultat li baqa’ l-istess sa tmiem il-partita.

Monza v Sampdoria 2-2

Żewġ gowls minn Gabbiadini u penalty skorjat minn Pessina għat-2-2 fid-99 minuta għamlu d-differenza f’partita li dehret destinata għal rebħa sorpriża minn Sampdoria li kienet tkun nifs fit-taqtiegħa biex iżommu posthom fis-Serie A.

Wara biss 13-il minuta Sampdoria marru fil-vantaġġ. Minn pass ta’ Sam Lammers kien Manolo Gabbiadini li għeleb lil Michele di Gregorio.

Reazzjoni immedjata minn Monza li fit-33 minuta kisbu l-gowl tad-draw permezz ta’ Andrea Petagna li minn azzjoni ta’ Carlos Augusto għeleb lil Emil Audero. Dominju assolut minn Monza b’70 fil-mija pussess, bid-differenza li b’sorpriża fit-58 minuta kien mill-ġdid Gabbiadini li għeleb lil Di Gregorio b’Sampdoria mill-ġdid fil-vantaġġ .

Fid-disa’ minuta ta’ ħin miżjud, Daniele Chiffi saffar penalty għal Monza b’Matteo Pessina jegħleb lil Audero biex is-serje pożittiva ta’ Monza tkompli.