Lokali Qorti

Pleġġ għall-kuntrattur li mar sentejn ħabs fuq omiċidju involontarju ta’ żewġ nisa f’sit ta’ kostruzzjoni f’każ li seħħ fl-2004

Kuntrattur li kien ġie kkundannat sentejn ħabs wara li l-Qorti tal-Appell sabitu responsabbli mill-mewt ta’ żewġ nisa kkaġunata mit-tiġrif ta’ blokk appartamenti f’San Pawl il-Baħar fit-3 ta’ Ġunju 2004 ingħata l-pleġġ wara li beda proċeduri Kostituzzjonali. Huwa qed jilmenta fost affarijiet oħra li nkisru d-drittijiet fundamentali tiegħu.

Għaldaqstant huwa ppreżenta rikors u beda proċeduri kontra l-Avukat Ġenerali, l- Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat tal-lstat. Il-kollass kien ħalla vittmi lil Mary Zarb ta’ 60 sena li kienet tgħix fil-blokk tal-appartamenti u lil Nadya Vavilova, mara Russa ta’ 24 sena li proprju dak il-ħin kienet qiegħda tieħu lezzjonijiet tal-Malti mingħand Zarb.

L-inċident ġie kkawżat minn xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fuq art ma’ ġenbhom. Il-vittmi ġew irkuprati ħdejn xulxin minn taħt it-terrapien għoli sular u nofs. Zarb kienet qed tagħti lil Vavilova lezzjoni, li kellha ssir il-ġurnata ta’ qabel, iżda għal xi raġuni kien sar ftehim li jiltaqgħu ġurnata qabel.

infetħu proċeduri kriminali kontra l-kuntrattur Pawlu Demicoli u l-impjegat tiegħu Kevin Bonnici. Fl-2009, il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera, illum Imħalllef kienet ikkundannat lil Demicoli tliet snib ħabs u 18-il xahar lil Bonnici.

L-irġiel kienu appellaw id-deċiżjoni minnufih bl-Imħallef Aaron Bugeja li ppresieda l-Qorti tal-Appell sab kemm lil Demicoli kif ukoll lil Bonnici ħatja li kkawżaw il-mewt ta’ persuna minħabba negliġenza jew nuqqas ta’ ħila fix-xogħol tagħhom.

Filwaqt li l-Qorti kkonfermat il-ħtija tal-kuntrattur u tal-impjegat fis-sentenza tagħha, iddeċidiet li tnaqqas is-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati. Demicoli ġie kundannat sentejn ħabs minflok tlieta u Bonnici, sitt xhur minflok 18-il xahar.

Fit-talbiet tiegħu Demicoli qal li huwa ta’ għajb u tal-mistħija li proċess kriminali jieħu 18 il-sena biex ikun deċiż u meta jkun deċiż l-Qorti kompetenti xorta waħda tikkundannah piena ta’ ħabs effettiv. Huwa qal li jifhem li dan kien inċident serju, iżda dan xorta ma’ jxejjen xejn mid-drittijiet tiegħu li bl-aktar mod lampanti minħabba dewmien esaġerat u proċeduri li ma’ ġewx mitmuma fi żmien raġonevoli skond il-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropeja tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Huwa qed jgħid ukoll li mhux biss ul-familjari tal-vittmi xehdu f’dan il-proċess quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali, imma dawn talbu sabiex għal ebda raġuni ma’ timponi priġunerija effettiva fuqu. Minkejja kollox, il-kuntrattur qal li b’leżjoni ta’ dritt lampanti u kontra t-talba ta’ minn tilef lill-qrabatu, l-Qorti xorta ddeċidiet mod ieħor.

Huwa talab lill-Qorti Kostituzzjonali preseduta mill-Imħallef Francesco Depasquale biex tordna li jingħata rimedju effettiv u ma’ jibqax jiskonta l-piena nflitta. Demicoli talab ukoll biex dan ir-rikors jinstema’ b’urġenza u li hu jiġi rilaxxat u jinħeles minnufih u ma jibqax miżmum fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.    

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni tagħha ta’ Qorti Kostituzzjonali qalet li jirriżulta li Demicoli nstab ħati ta’ qtil involontarju ta’ żewġ persuni, fosthom ta’ Maria Dolores Zarb, li t-tifla tagħha, Marie Diane Mule Stagno, li għarrfet il-Qorti illi hija kienet ħafret lil Demicoli.

Jirriżulta illi ‘community service order’ ma ġiex kkunsidrat mill-Qorti peress illi “ma kienx sar stħarriġ f’dan is-sens u li l-imputat huwa residenti Malti, b’familja ġewwa Malta, bir-riżultat illi ma hemm ebda biża’ illi, f’xi mument  jista’ jaħrab minn Malta”.  

Il-Qorti qalet li tqis illi huwa ġust u ekwu li, sakemm tiġi deċiża l-kawża, l-effetti tas-sentenza tal-Qorti tal-Appell Kriminali datata 27 ta’ Ottubru 2022 jiġu sospiżi u tordna illi Demicoli jingħata l-ħelsien mill-arrest, b’effett minn sebat’ ijiem wara tali deċiżjoni, b’dan illi huwa għandu, qabel ma jingħata l-ħelsien mill-arrest – jiddeposita s-somma ta’ €5,000 bħala garanzija.   

Ma għandu jkun hemm ebda dubju wkoll illi, fil-preżent, minn dakinhar tas-sentenza tal-Qorti tal-Appell Kriminali, tas-27 ta’ Ottubru 2022, huwa beda jiskonta piena karċerjarja ta’ sentejn.   Il-Qorti qalet ukoll li qed taghmilha ċara illi d-deċiżjoni mogħtija għandha titqies unikament bħala ‘interim’, u la għandha u lanqas ma għandha titqies illi għandha kwalsiasi piż u effett fuq id-deċiżjoni finali, liema deċiżjoni tingħata biss wara illi tisma’ l-provi rilevanti tal-każ.  

Il-Qorti Kostituzzjonali ordnat ukoll biex Demcilo ma jitlaqx minn Malta għal ebda raġuni assoluta, u għal dan il-għan għandu jiddeposita mal-Qorti il-Passaport tiegħu kif ukoll il-Karta tal-Identità. Ordnat ukoll li huwa  jidher kull darba illi din il-kawża tkun appuntata għas-smiegħ u li jiffirma darba fil-ġimgħa, kull nhar ta’ Erbgħa, bejn id 09.0 am. u 9.00pm., ġewwa l-Għassa ta’ Birkirkara