Futbol Sport

Seba’ rebħiet infila u id waħda fuq it-tazza

(Ritratt: Joseph Galea)

Għal darb’oħra kellu jkun Matthew Guillaumier li jiddeċiedi l-partita favur Ħamrun Spartans f’konfront diffiċli kontra Floriana. Kien il-gowl uniku tiegħu li għamel id-differenza bejn it-timijiet. Din kienet rebħa oħra u tlett punti li aktar ressaq lill-Ispartans lejn ir-rebħ tad-disa’ kampjonat fl-istorja tagħhom. Mill-banda l-oħra Floriana baqgħu jżommu post f’nofs il-klassifika fejn l-aspirazzjoni tagħhom li jiksbu post fl-Ewropa qed issir aktar diffiċli. Erba’ bidliet minn Atzori hekk kif bin-nuqqas tas-sospiż Kemar Reid u t-tluq ta’ Ciolacu huma bdew b’Garzia, Osestad, Busuttil u Melunovic. Ħamrun kellhom in-nuqqas ta’ Steve Borg fejn floku lagħab Rodrigo Callegari. Logħba li Floriana kienu tattikkament organizzati u ftit taw spazju lill-avversarji tagħhom. U f’nofs it-tieni taqsima ddeċieda l-gowl ta’ Guillaumier.

Rebħa tajba kisbu Gudja United kontra Santa Lucia biex prattikament b’dawn it-tlett punti huma ċerti li staġun ieħor ikunu għal darb’oħra mal-kbar. Huma jinsabu xxamplati f’nofs il-klassifika bl-avversarji tagħhom Santa Lucia fi problemi kbar fejn issa jinsabu fil-post ta’ qabel tal-aħħar peress li Żebbuġ Rangers kisbu erba’ punti mill-aħħar żewġ logħbiet tagħhom. Tatsuro Nagamatsu kien determinanti għal Gudja fejn skorja żewġ gowls bil-gowl l-ieħor jasal minn Plut. Minkejja n-nuqqas ta’ Hubert Vella u Andre Prates il-kowċ ta Gudja Andrea Agostinelli xorta beda b’formazzjoni b’saħħitha. Gudja issa jistgħu jirrilassaw aktar hekk kif bil-punti miksuba jidher li huma biżżejjed biex jevitaw problemi kbar lejn tmiem l-istaġun. Kważi jistgħu jibdew jaħsbu fl-istaġun li jmiss.

Gzira United ikkonfermaw il-mument pożittiv li għaddejjin minnu dan wara li bi skor tennistiku huma għelbu lil Pietà Hotspurs bl-iskor ta’ 6-0. Kienet partita li huma ddominaw mill-ewwel minuti fejn fetħu l-iskor wara biss sitt minuti, gowl li kkondizzjona lill-avversarji. Huma issa jinsabu aktar viċin li jiksbu post fl-Ewropa, fejn minkejja li t-triq hija twila, t-telfa li sofrew Hibernians kontra Balzan kompliet ittihom palata. L-avversarji Pietà ftit li xejn hemm xi tgħid fuqhom. Jinsabu f’qiegħ il-klassifika b’ħames punti biss, rebħa u żewġ draws. Mill-bdija telfa wara l-oħra li qed tkompli tagħmel il-kompitu tagħhom aktar diffiċli u realistikament ir-relegazzjoni hija xi ħaġa li ser tiġri kważi b’ċertezza, il-mistoqsija tibqa biss meta.

U jkomplu għaddejjin ukoll bir-rebħ Mosta dan wara li  huma dawru telfa f’rebħa kontra Sirens. B’dawn it-tlett punti Mosta issa jinsabu fir-raba’ post tal-klassifika fejn huma qabżu liċ-Champions renjanti Hibernians. Għal Mosta din kienet it-tielet rebħa mill-aħħar erba’ logħbiet tagħhom. Il-ħolma tagħhom hija li jerġgħu jieħdu sehem fl-Ewropa u s’issa din għadha ħajja. Sirens, wara li matul il-ġimgħa li għaddiet kisbu draw ta’ 3-3 kontra Valletta wara li kienu żewġ gowls minn taħt għal darbtejn, 2-0 u 3-1 kien mistenni ħafna aktar minnhom. Iridu wkoll joqogħdu attenti peress li malajr jidħlu mingħajr mistenni f’xi taqtiegħa kontra r-relegation. Wieħed irid jistenna ftit peress li huma ħafna timijiet li qed jitilfu l-punti fejn is-sorpriżi  mhux qed jonqsu.

Wirja tajba minn Balzan b’mod speċjali fit-tieni taqsima tal-partita tagħhom kontra Hibernians biex b’hekk huma kisbu rebħa importanti li tħallihom jittamaw li jiksbu post fl-Ewropa. Fil-fatt wara li fl-ewwel taqsima ftit rajna azzjonijiet denji, Balzan ħarġu aktar aggressivi fit-tieni ħamsa u  erbgħin minuta fejn kienu huma li fetħu l-iskor. Biex id-daqqa mortali għal Hibernians waslet eżatt meta ħasbu li setgħu jsalvaw il-logħba. Minuta biss wara li huma kisbu l-gowl tad-draw reġgħu sofrew gowl ieħor biex psikoloġikament marru l-baħar. Jekk għal Balzan kienet ir-raba’ rebħa mill-aħħar ħames logħbiet għall-kuntrarju Hibernians sofrew ir-raba’ telfa mill-aħħar ħames partita tagħhom. B’din ir-rebħa huma telgħu fil-ħames post tal-klassifika b’punti daqs l-avversarji tagħhom.

Il-logħba tant mistennija bejn Valletta u Birkirkara spiċċat fi draw ta’ 1-1. Punt li forsi aktar ikkuntenta lil Valletta milli lil Birkirkara. Fil-fatt l-Istripes tilfu xi ftit il-pass minn ma’ Gżira United li issa jinsabu tlett punti fuqhom. Għal Valletta, wara d-draw kontra Sirens ta’ matul il-ġimgħa dan ir-riżultat jista jitqies bħala wieħed tajjeb fiċ-ċirkostanzi kollha. In-nuqqas ta’ Guarnone qed jinħass ħafna mill-Beltin fejn l-esperjenza tiegħu hija strumentali f’diversi ħinijiet tal-partita. Għal Valletta sab ix-xibka  mill-ġdid Falcone inċidentalment kontra l-ex tim tiegħu. Valletta issa jdawru ħarsithom lejn il-logħba li għandhom nhar il-Erbgħa li ġejjin kontra Ħamrun Spartans mill-fażi tal-aħħar sittax tal-FA Trophy, partita diffiċli iżda li dejjem qajmet interess.

Żebbuġ Rangers komplew  jittamaw li jistgħu jsalvaw posthom wara draw ta’ 1-1 kontra M’Xlokk. F’dawn l-aħħar logħbiet huma wrew progress fejn mhux dan biss iżda ġejjin il-punti wkoll. Wara dan id-draw huma fetħu vantaġġ ta’ tlett punti fuq it-tim ta’ qabel tal-aħħar fil-klasssifika, Santa Lucia. Mill-banda l-oħra d-distakk minn mal-avversarji tagħhom M’Xlokk issa huma ta’ ħames punti biss. M’Xlokk wara l-bidu tajjeb li kellhom donnhom li tilfu ftit ir-ritmu u jridu jkunu attenti sabiex ma’ jidħlux f’xi  taqtiegħa kontra r-relegation bla ħsieb.

INNUTAJNA

LI   l-ex player tat-tim nazzjonali Ryan Fenech inħatar b’mod temporanju bħala l-kowċ ta’ Marsa. Dan sakemm jinstab kowċ ġdid hekk kif huma tilfu l-aħħar partita tagħhom fi tmiem din il-ġimgħa kontra Fgura United.

LI   esperjenza fil-League 1 tal-Indoneżja għall-kowċ Malti ta’ taħt il-21 sena Gilbert Agius dan hekk kif huwa ser ikun qed imexxi lit-tim PSIS Semarang. Qed jingħad li fit-tim tekniku tiegħu Agius ser ikollu lil Taisei Marukawa ex-player ta’ Senglea u Valletta.

LI  fi tmiem il-ġimgħa f’Għawdex kellna lil Nadur li fetħa vantaġġ ta’ żewġ punti fil-quċċata tal-klassifika. Dan wara li huma għelbu lil Kercem Ajax filwaqt li Qala Saints sfaw miżmuma fi draw minn Għajnsielem.