It-terremot qawwi laqat belt fit-Turkija, qrib il-fruntiera mas-Sirja, ħalla tal-anqas 1,700 persuna mejta filwaqt li ‘il fuq minn 5,000 persuna huma midruba.
Barra minn hekk, fis-Sirja dan l-istess terremot ħalla madwar 800 vittma, filwaqt li 2,000 persuna ġarrbu xi ġrieħi.
It-theżżiża ta’ 7.8 fuq l-iskala Richter seħħet fl-4:17am ħin lokali, qrib il-belt ta’ Gaziantep. It-terremot inħass fil-kapitali Ankara u fi bliet Torok oħra, kif ukoll tul il-fruntiera fil-Libanu, is-Sirja u anke Ċipru.
Rapporti qed jgħidu li waqa’ diversi bini u numru ta’ persuni jistgħu ikunu għadhom maqbuda taħt it-tifrik.
Madwar 10 minuti biss wara t-terremot inħasset it-tieni theżżiża ta’ 6.7 fuq l-iskala Richter.
Barra minn hekk, għall-ħabta tal-11:30 ta’ filgħodu – ħin ta’ Malta – it-Turkija ntlaqtet minn terremot qawwi ieħor fejn it-theżżiża kejlet 7.5 fuq l-iskala Richter.
Filmati fuq il-midja soċjali juru bosta irġiel ikissru it-twieqi sabiex joħoġu lin-nies li jinsabu maqbuda f’bini mġarraf fiċ-ċentru tat-Turkija.
Rapporti qed jindikaw li kaġun tat-theżżiża waqgħu diversi binjiet u numru ta’ persuni għadhom maqbuda taħt it-tifrik.
Il-President Tork Erdogan qal li madwar 2,818 binja ġġarrfu kaġun ta’ dan it-terremot filwaqt li ddeskrieh bħala l-agħar terremot li laqat it-Turkija f’dawn l-aħħar 84 sena.
Fost il-bini li ġġarraf hemm il-kastell storiku ta’ Gaizantep li kien ilu mibni għal aktar minn 2,000 sena kif ukoll ċentru kummerċjali fil-belt ta’ Diyarbakir.
Il-Viċi President tat-Turkija ddikjara stat ta’ allarm ta’ livell 4 u għamel sejħa għall-assistenza internazzjonali.
Mill-ħin tas-sejħa l’hawn 45 pajjiżi diġa’ offrew l-assistenza tagħhom.
Intant, hemm tħassib kbir li fis-sigħat li ġejjin il-fatalitajiet mistennija li jiżdiedu sew u qed jiġi stat li l-fatalitajiet se jilħqu l-10,000.
//= $special ?>