Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, fl-aħħar sigħat, ammetta li s-sitwazzjoni militari fiz-zoni Ukreni tal-Lvant qed issir dejjem aktar diffiċli għall-qawwiet ta’ pajjiżu. Dan minkejja li l-Ukreni ilhom ix-xhur jagħtu d-disfatti kontinwi lill-qawwiet Russi fil-kampijiet tal-battalja.
Bħalissa, it-truppi Ukreni qegħdin jiddefendu għal ħajjithom fl-inħawi ta’ Bakhmut, Vuhledar u Lyman – tlett ibliet fir-reġjun ta’ Donetsk li jinsabu taħt assedju kontinwu mill-Armata ta’ Putin.
Is-sitwazzjoni anki saret iddisprata għas-suldati Ukreni li għadhom jiddefendu l-belt ta’ Bakhmut kontra l-attakki tal-militar Russu. Dan għaliex – skont il-Ministeru tad-Difiża Britanniku – id-difensuri Ukreni, minkejja r-reżistenza qalbiena, qegħdin jispiċċaw dejjem aktar iżolati kontra qawwiet superjuri.
F’dawn il-battalji qed jispikkaw il-ġellieda merċenarji tal-grupp Wagner li huma magħrufin għall-krudeltà tagħhom kif ukoll bħala ‘l-Armata Privata’ ta’ Putin. U l-aħħar rapporti qalu li dawn il-ġellieda qegħdin jikkumbattu kontinwament mal-Ukreni għall-kontroll tat-toroq f’Bakhmut li ilha x-xhur għaddejja mill-agħar tal-gwerra.
Il-qawwiet Russi huma determinati li jieħdu l-kontroll ta’ Bakhmut akkost ta’ kollox u l-battalja għal din il-belt, bla dubju, hi l-itwal waħda mindu t-truppi ta’ Putin invadew lill-Ukrajna kważi sena ilu.
Iz-zona tal-battalja hi wkoll sinifikanti ħafna għall-gwerra fl-Ukrajna….Dan għaliex ir-Russi qed jittamaw li, ‘il quddiem, ikunu jistgħu jikkontrollaw Bakhmut u r-reġjun kollu tad-Donbas bħala ‘messaġġ inkoraġġanti’ lill-poplu tar-Russja wara daqstant umiljazzjonijiet taħt idejn il-qawwiet ta’ Zelensky.
//= $special ?>