Lokali

Awguri Eddie

Illum, Eddie Fenech Adami jagħlaq 89 sena – eks Prim Ministru u President Emeritu ta’ Malta.

Eddie Fenech Adami twieled fis-7 ta’ Frar tal-1934 f’Birkirkara. Hu kien miżżewweġ lil Mary u kellhom ħamest itfal.

Fl-1977 hu kien elett Kap tal-Partit Nazzjonalista wara r-riżenja ta’ Ġorġ Borg Olivier u mexxa u rebbaħ lill-Partit fl-elezzjoni ġenerali tal-1981. Madankollu, il-Gvern Laburista tal-Perit Mintoff baqa’ jmexxi kontra r-rieda tal-maġġoranza tal-poplu.

Matul il-karriera politika tiegħu, Eddie Fenech Adami spiċċa fil-mira ta’ attakki koroh, fosthom dakinhar tat-Tnejn l-Iswed, meta daru spiċċat attakkata u mkissra, filwaqt li ommu, martu u uliedu spiċċaw imsawta.

Iżda għal dan kollu, Eddie Fenech Adami dejjem irreaġixxa bir-rikonċiljazzjoni – sakemm f’Mejju tal-1987, kien elett għall-ewwel darba bħala Prim Ministru u ra li pajjiżna jerġa’ jikseb lura d-demokrazija u l-libertà li tant kienu neqsin.

Eddie Fenech Adami reġa’ kien elett Prim Ministru fl-1992, fl-1998 u fl-2003. Matul dawn is-snin, hu ħadem flimkien ma’ politiċi kbar oħrajn tal-Partit Nazzjonalista – fosthom Guido Demarco – biex pajjiżna seta’ jsir membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea.

Eddie Fenech Adami serva wkoll għal ħames snin bħala President ta’ Malta, sal-2009, biex temm il-karriera tiegħu fix-xena pubblika fl-ogħla kariga tal-pajjiż.