Sport Sport Ieħor

Ċikliżmu: Jitħabbar il-kalendarju tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu

Fil-ġranet li għaddew kien approvat il-kalendarju tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu li ser ikun jikkonsisti f’żewġ kampjonati fuq tliet tiġrijiet kull wieħed. L-ewwel kampjonat huwa dak tat-Time Trial, bl-ewwel tiġrija ser tkun nhar it-23 ta’ April fiċ-ċirkwit ta’ Pembroke. Dan il-kampjonat ikompli fil-21 ta’ Mejju fi Fluer-de-Lys u jintemm fis-16 ta’ Lulju fil-Miżieb. Intant il-kampjonat tar-Road ser jibda fis-7 ta’ Mejju f’San Martin u jitkompla fil-11 ta’ Ġunju f’Ta’ Xhajma fin-Nadur, Għawdex u jispiċċa fit-23 ta’ Lulju f’Tal-Maqluba, Qrendi/Żurrieq. Din is-sena uħud mit-tiġrijiet ser isiru b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Reġjonali Lvant li ntgħażel bħala ‘Ir-Reġjun Ewropew tal-Isport għall-2023’ minn ACES – European Capitals and Cities of Sport għal din is-sena 2023.

Intant din is-sena it-Tour ta’ Malta ser isir fuq tliet tapep li jibda bl-Individual Time Trail, il-Coast Road, Salina/Baħar iċ-Ċagħaq nhar il-Ġimgħa 7 ta’ April u jitkompla l-għada s-Sibt b’Road Race fuq iċ-ċirkwit ta’ San Martin, u tispiċċa f’Ħadd il-Għid bl-aħħar tappa li ser issir fuq iċ-ċirkwit tal-Bypass ta’ Ħaż-Żebbuġ. Intant diversi klabbs qed iħejju għat-tiġrija oganizzata minnhom.

Matul din is-sena wkoll il-federazzjoni ser torganizza diversi korsijiet tal-UCI għal kowċis u mechanics u dan grazzi għal ħidma internazzjonali tas-Segretarju Ġenerali Joe Bajada li huwa l-President tal-Kummissjoni tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-UEC, kif ukoll Membru tal-UCI Solidarity and Emerging Cycling Countries Commission. Dan l-aħħar Bajada attenda għal laqgħa simili fil-kwartieri tal-UCI, f’Aigle l-Isvizzera fejn kien deċiż li wara nuqqas ta’ diversi snin, il-UCI ser torganizza l-Kampjonat B għal pajjiżi ta’ Grupp 3 u 4 u għalhekk Malta ser tkun eliġibli li tieħu sehem bejn it-2 u l-10 ta’ Marzu 2024 f’Kajr, l-Eġittu.

Parteċipazzjoni oħra internazzjonali mill-iktar interessanti ser tkun fil-Kampjonati Mondjali li ser isiru fi Glasgow, l-Iskozja bejn it-2 u l-14 ta’ Awwissu li ġej. Joe Bajada kien aċċertat li Malta tingħata diversi wild cards għal atleta wieħed fir-Road, MTB u BMX u sa żewġ atleti għat-Time Trial.