Lokali

“Eddie Fenech Adami fetaħ bieb beraħ mimli opportunitajiet għal ġenerazzjonijiet sħaħ” – Bernard Grech

 “Il-PN jemmen fl-edukazzjoni għax huwa l-mezz kif tmexxi poplu ‘l quddiem u tiftaħlu l-orizzonti. Irridu nagħmlu mill-edukazzjoni pilastru ieħor importanti. Mhux biss informattiva iżda waħda formattiva.”

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt il-programm speċjali mxandar fuq il-midja ta’ Net Television kif ukoll Net FM f’okkażjoni ta’ għeluq d-89 sena tal-eks Prim Ministru u President Emeritu Eddie Fenech Adami.

Bernard Grech irringrazzja lil Eddie Fenech Adami għaliex grazzi għall-ħidma tiegħu ġenerazzjonijiet sħaħ kellhom il-bieb miftuħ beraħ għall-Università ta’ Malta kif ukoll fl-MCAST u opportunitajiet oħrajn. Huwa sostna li Eddie Fenech Adami ispira lill-Partit Nazzjonalista sabiex jagħmel kisbiet kbar, b’opportunitajiet ukoll grazzi għad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.  

Dan filwaqt li insista li fi snin passati Malta kellha bżonn issir Malta moderna u kompetittiva, u dak iż-żmien Eddie Fenech Adami flimkien mal-Partit Nazzjonalista dan għarfu fost oħrajn bl-introduzzjoni ta’ niċeċ ekonomiċi ġodda kif ukoll il-plulariżmu fix-xandir.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li l-Labour fil-Gvern fl-aħħar 10 snin qed ireġġa lura l-arloġġ għat-tajjeb li għamlu Gvernijiet Nazzjonalisti taħt Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi.

Huwa spjega li Gvern Nazzjonalista saħħaħ l-istituzzjonijiet madanakollu f’dawn is-snin ta’ Gvern Laburista rajna moviment li qiegħed jaħtafhom.

Bernard Grech saħaq li dawn l-istituzzjonijiet jeħtiġilhom l-integrità u s-sapport tal-partiti politiċi bil-għan li jservu lill-poplu Malti u Għawdxi kollu billi jerfgħu r-responsabbilita mistennija minnhom billi jwettqu dmirhom lejn il-familji Maltin u Għawdxin.