Il-komunità internazzjonali qed twieġeb b’urġenza għall-istraġi li hemm bħalissa fit-Turkija u t-Tramuntana tas-Sirja wara t-terremot kbir tat-Tnejn li skont l-aħħar ċifri ħalla ‘il fuq minn 5,000 mejtin u eluf tal-midruba u neqsin fiż-żewġ pajjiżi.
Il-pajjiżi minn madwar id-dinja, Malta inkluża, qegħdin jibgħatu l-għajnuna li jistgħu lill-poplu Tork, bl-awtoritajiet fit-Turkija u l-madwar jaqblu li l-Ewropa qed tassisti għal waħda mill-agħar traġedji umani mill-aħħar tat-Tieni Gwerra ‘il hawn.
Fl-aħħar sigħat, l-iskwadri tas-salvataġġ fiz-zoni milqutin mit-terremot kienu qed jistinkaw qatigħ biex isalvaw il-massimu tal-ħajja f’sitwazzjoni tassew iddisprata. Dan meta kien għad hemm numru sostanzjali ta’ nies maqbudin taħt il-fdalijiet tal-bini li ċedew għal fuqhom fiz-zoni lejn in-nofsinar tat-Turkija kif ukoll fis-Sirja.
It-terremot terribbli – li mmarka qrib it-tmienja fuq l-Iskala Richter – kien laqat fiċ-ċentru ta’ Gaziantep matul is-sigħat bikrin tat-Tnejn u f’ħin meta r-residenti kienu għadhom reqdin f’darhom. Dan meta wara, l-inħawi reġgħu ntlaqtu minn tieni terremot li wassal għal aktar kroll tal-bini fost ix-xeni katastrofiċi.
L-Aġenzija Torka responsabbli mir-Reazzjonijiet għad-Diżastri qalet li l-vittmi tal-ewwel terremot fit-Turkija qed javviċinaw l-4,000 – b’aktar minn 15,000 jispiċċw feruti.Dan ukoll meta hu rappurtat li mietu ‘il fuq minn 2,000 persuna bl-impatt tat-terremot fis-Sirja.
Sadanittant, l-għajnuna minn barra qed tkompli tasal fiz-zoni mġarrbin, meta pajjiżi bħall-Istati Uniti, ir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja, l-Awstrija, l-Olanda, il-Kanada, il-Ġappun u l-Korea t’Isfel qegħdin jissieħbu fl-impenn ta’ fejda fuq livell internazzjonali.
L-Unjoni Ewropea qalet li mobilizzat ‘il fuq minn 30 skwadri mediċi u ta’ search and rescue biex jgħinu fl-isforzi ta’ emerġenza fit-Turkija u meta qegħdin jagħtu kontribut mad-dstatax il-Stat membru flimkien ma’ Montenegro u l-Albanija. F’din is-sitwazzjoni qed jintbagħtu wkoll l-għexieren tal-klieb imħarrġin biex isibu lin-nies li jispiċċaw ‘fl-aktar sitwazzjonijiet impossibbli’.
Il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, iddikjara stat ta’ emerġenza effettiva għal tliet xhur fix-xlokk tat-Turkija u meta mistenni li ċ-ċifra tal-vittmi tat-terremot se tkompli tiela matul il-jiem li ġejjin. Erdogan tenna li talanqas għaxart ibliet ġarrbu l-qilla tal-ewwel terremot u dawn spiċċaw fiz-zona tad-diżastru ‘uffiċjali’ – b’Ankara tikkonferma li rċeviet l-offerti tal-għajnuna mingħand talanqas 70 pajjiż.
Fl-istess ħin, fl-aħħar sigħat, kien hemm anki xi sinjali ta’ inkoraġġiment miz-zoni milqutin mid-diżastru, bil-media Torka tiżvela li numru ta’ nies maqbudin taħt it-tifrik tal-bini kienu qed jibgħatulhom il-filmati u l-voice messages permezz tat-telefons ċellulari u mil-lokalitajiet fejn huma spiċċaw mirdumin.
//= $special ?>