Lokali Qorti

It-tir fatali li qatel lil Bernice Cassar kien dak sparat lejn l-għonq

It-tir fatali li bih tilfet ħajjitha Bernice Cassar kien dak li ġie sparat lejn l-għonq. Sparatura oħra li laqtet sidet il-vittma ma kinitx ta’ l-istess portata u fil-fatt dan waħdu seta’ wassal biex il-mara ssalva qalu t-tobba li kkonduċew l-awtopsja fuq il-vittma.

Dan ħareġ meta quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud kompliet il-kumpilazzjoni tal-provi ta’ Roderick Cassar ta’ 42 sena mill-Imqabba li qed iwieġeb mhux ħati li qatel lil martu Bernice Cassar ta’ 40 sena, fit-22 ta’ Novembru li għadda f’Raħal Ġdid.

L-akkużat kien l-ewwel persuna li ġiet akkużata b’femiċidju volontarju, verżjoni aggravata tar-reat ta’ omiċidju. L-unika differenza fil-liġi bejn femiċidju u omiċidju hija li tneħħa l-kunċett tal-“crime of passion” (reat li jkun seħħ waqt passjoni stantanja) fejn jidħlu l-irġiel.

L-ewwel xhud kien it-tabib tal-Emergenza Jonathan Joslin li qal li kien involut fir-rispons immedjat meta daħal ir-rapport li kienet seħħet sparatura f’Kordin u li kien hemm vittma waħda. Is-sitwazzjoni ġiet meqjusa bħala “code red”. Qal li meta wasal fuq il-post sab numru ta’ uffiċjali tal-Pulizija u li l-infermiera qalu li ma kienx hemm urġenza peress li l-vittma ġiet iċċertifikata mejta fuq il-post u infatti laħqet ġiet mgħottija.

“Stajt nara d-demm tal-vittma nieżel qrib il-karozza. Ma kellhiex polz jew nifs u ma rrispondiet għall-ebda stimolu,” qal ix-xhud. Kompla li li l-feriti tagħha saru minn tiri li ġew sparati fil-qrib u sab skrataċ ħodor mal-art. Kien hemm ukoll tir fuq sidher il-vittma. It-tabib Joslin xehed ukoll li fit-8.29am daħal rapport dwar inċident fil-Qrendi fejn l-akkużat, Roderick Cassar, kien mar jistkenn f’residenza fi Triq il-Kartaġiniżi.

Wara b’mod konġunt xehdu it-tobba David Pisani u Ali Safraz li għamlu l-awtopsja fuq il-katavru tal-vittma fit-23 ta’ Novembru 2022. Dr Pisani tenna li l-kawża tal-mewt kienet iż-żewġ sparaturi fuq l-għonq u fuq is-sider tal-vittma. L-isparatura fatali kienet dik tal-għonq. Huma jippreżentaw ir-rapport tagħhom.

It-tabib Pisani qal ukoll li kieku ma ġietx milquta f’għonqha, il-vittma x’aktarx li kienet issalva. Iżid li l-vittma kellha xi tbenġil fuq idejha li huma kkawżati minn ‘blunt force trauma’ (korrimenti li jirriżultaw minn impatt b’wiċċ jew oġġett sod). Tenna li huwa possibbli li dawn ġew ikkawżata minn tagħfis.

Wara xehdet l-esperta Marisa Cassar li ppreżentat rapport li għamlet fl-inkjesta. Hi kkonkludiet li d-demm fuq il-post tar-reat qabel ma’ Bernice Cilia kif ukoll ma’ ta’ Roderick Cassar. Id-DNA li qablet mal-akkużat ittieħdet minn xi kampjuni mid-dwiefer tiegħu u d-DNA nstabet ukoll fuq hairband u nuċċali mal-art. Cassar qalet ukoll li d-DNA nstabet ukoll fuq magazine u l-arma tan-nar użata.

Xehed ukoll l-espert imqabbad mill-Qorti Matthew Grima li jisspeċjalizza fl-analiżi tal-‘gunshot residue’. Tenna li ġie nkarigat biex janalizza r-‘residue’ mill-arma tan-nar użata, mill-iskrataċ u l-ħwejjeġ li ntlibsu meta twettaq ir-reat. Huwa kkonkluda li nstabu 28 partiċella ta’ ‘gunshot residue’ fuq il-ħwejjeġ tal-akkużat u fuq il-bqija tal-ġismu. L-espert qal ukoll li meta ġew sparati tiri fil-Qrendi biex ġie sgassat il-bieb tad-dar fejn kien qed jistkenn l-akkużat, ma setax jikkonkludi jekk dawn ġewx sparati mill-Pulizija jew mill-akkużat.

Wara xehdet iz-zija tal-vittma Sylvana Darmanin lli qalet li Bernice Cassar kienet qiesha bintha. Emozzjonata kif telgħet fuq il-pedana tax-xhieda qalet li kienet qed tragħraf lill-akkużat u qalet “qed nagħrfu daqs kemm jagħraf lili.” Qalet li kienet ċemplet lill-koppja fl-Ewwel tas-Sena biex tawguralhom s-sena l-ġdida u qabdet it-tifla ta’ erba’ snin “waqt li kienet qed tibki” u kellmitha l-vittma li qaltilha li kienet se ċċemplilha wara.

Darmanin talbet lil żewġha jmur fuq il-post u dan sab il-platti mal-art u xi qraba jnaddfu l-post. L-argument inqala’ meta l-akkużat kellu l-Covid-19 u l-bqija tal-familja kienu qed jagħmlu kwarantina minħabba dan. Hawn Roderick Cassar beda argument mal-vittma fuq l-ikel li kienu qed jieklu.

Ix-xhud qalet li kien sar ftehim bejnha u Bernice Cassar biex iċemplilha darbtejn kuljum, filgħodu u qabel l-irqad. Dan baqa’ jiġri sakemm ħarbet mid-dar. Dan il-ftehim kien sar minħabba l-biża’ li kienet qed tgħix fih in-neputija tagħha. Darmanin qalet li l-vittma kienet qaltilha li darba waqt li kienet qed tgħin lil binha bix-xogħol tal-iskola, l-akkużat kien qed ilesti l-borma u beda jgġalli l-ilma għali u heddidha li jwaddabulha.

Kompliet tgħid li f’okkażjoni oħra kienet ċemplet lill-vittma fuq ‘video call’ għax kienet qed tibża li kien se jiġrilha xi ħaġa. Biex tkun protetta, Bernice Cassar marret fis-sodda maġenb it-tfal tagħha. Għall-ħabta tal-10pm, ir-raġel tan-neputija daħal id-dar irrabjat u qalilha li ried ipattihila għax kienet ilha tliet ġimgġat ma tieħu t-tfal għand ommu u missieru, xi ħaġa li ma setgħetx tagħmel minħabba li missier Roderick kellu l-Covid.

Minkejja li kien vjolenti magħha xorta waħda ħabbitu

Ix-xhud kompliet tgħid kif Bernice Cassar kienet qed tkun imwerwra. L-għada ta’ dan kollu l-vittma qalet lix-xhud li l-akkużat kien ta daqqa ta’ ħarta wara li staqsietu għalfejn kien dam barra sal-4am. Qalet li l-vittma lanqas kienet toħroġ ma’ sħabha għax kienet tibża minn żewġha. Minkejja dak kollu li kienet għaddejja minnu fejn kien ikun vjolenti magħha xorta ħabbitu.

Iz-zija tal-vittma qalet ukoll li Bernice Cassar kienet ħarbet mid-dar. Dan kien fit-8 ta’ Mejju 2022, u tenniet li l-akkużat ħareġ mid-dar filgħodu u mar lura fis-6am u qal lit-tfal li se jmorru Għawdex. Bernice kienet qaltl li ma riditx tmur miegħu u hu qabad cupboard u qalilha li “llum kulma hawn inkisser” u taha daqqa ta’ ponn f’rasha.

Agħar minn hekk qalet ix-xhud l-akkużat mar iġib sikkina mill-kċina u għamililha ma’ għonqha. Il-vittma ma felħitx aktar u ħarbet mid-dar u marret tgħajjat għall-għajnuna fil-komun tad-dar. Waqt din ix-xena kollha, Roderick beda jiġbdilha xagħarha u jaggrediha.

Il-vittma kienet qalet ukoll lix-xhud li żewġha daħal fuqha waqt li kien fix-shower u qalilha “ara x’għamilt b’idejk”. Wara ħaslet l-art tad-dar, il-vittma qabdet il-laptop tax-xogħol u ħarbet mid-dar. Il-vittma marret fid-dar ta’ zijitha u qaltilha li kien għamel sikkina ma’ għonqha. 

F’okkażjoni oħra it-tifel il-vittma ċempel lix-xhud li qaltlu li ommu kienet magħha u li kienet sejra tagħmel rapport id-Depot. Għal diversi drabi ix-xhud qalet li lin-neputija qatt ma qabditha f’gidba. lil Bernice. Ix-xhud qalet ukoll li fis-sajf, l-akkużat kien daħal l-isptar u l-vittma beżgħet tieħu lit-tfal hemm u dan għar-raġuni li hemm ikun hemm ħafna mikrobi.

Minkejja dan, il-vittma ħadet lit-tfal l-isptar biex jarawh imma meta qalet lil żewġha li ma setgħetx teħodhom l-għada, hu beda jirvilla u beda jsabbat mal-karozza tagħha. Kien f’dik il-ġurnata li nħareġ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma. Wara dan il-jum, il-vittma bdiet tgħix m’ommha f’Ħaż-Żebbuġ u li kien hemm drabi fejn żewġha kien imur għat-tfal imma mhux dejjem kien jeħodhom.

Darmanin irrakkonat inċident ieħor meta hi marret mal-vittma u t-tfal tagħha biex jitlaqqmu kontra l-Covid. Meta kienu se joħorġu mill-karozza, feġġ l-akkużat li fetħilha l-bieba tal-karozza u qallha biex jaralha l-mowbajl. Minħabba l-attitudni tiegħu t-tfal bdew jibku u jgħidu lil missierhom biex ma jagħmlilha xejn, u hawn missierhom qalilhom li ma kien se jagħmel xejn.

Jakkużaha li kellha relazzjoni ma’ raġel ieħor

Ix-xhud qalet li dak inhar kienet baqgħet fil-karozza u li kemm il-darba hu kien jakkużaha li kienet qed tmur ma’ raġel ieħor, biz-zija tal-vittma tgħid li martu qatt ma kienet marret ma’ raġel ieħor. “Mhux minnu dan, mhux minnu, jien nafha sew lin-neputija, qatt ma’ marret ma’ ħadd.”

Darmanin qalet ukoll li l-akkużat ried lit-tfal imorru miegħu u meta qalulu li ma ridux qalilhom – “mhux problema, issa nħallilkom €70,000 għand iz-ziju biex ikollkom biex tistudjaw, meta jkollkom l-età tagħhom iz-ziju jagħtiomkhom”. L-akkużat wara telaq minn ħdejn il-karozza u x-xhud qalet li kulħadd baqa’ fil-karozza sakemm hi ċemplet lil żewġha.

F’dak il-ħin, l-akkużat dawwar il-karozza u mblokka l-karozza tal-vittma biex ma tkunx tista’ toħroġ. Kompliet tgħid li l-istorja ma waqfitx hemmx għax wada kollu Darmanin qalet li l-akkużat beda jsabbat mal-karozza u jaħlef u jbus il-ħġieġ tal-karozza “li kien se jpattihilom talli ħadulu t-tfal”.

Qalet ukoll li Roderick Cassar qal lil ibnu “sal-Erbgħa li ġej, se nkun il-ħabs”. Dak il-ħin, qalet ix-xhud, “aħna ridna mmutu”. L-għada ta’ dan, l-akkużat bagħat messaġġ lix-xhud biex jgħidilha li ma kien se jagħmlilha xejn. Ix-xhud qalet li l-vittma kienet għajjiena mentalment u fiżikament minħabba żewġha u li kienet taf li kienet se tasal il-ġurnata fejn joqtolha.

Hawn iz-zija tal-vittma qalet li fil-ġurnata tar-reat hi kien ħassha ħażin meta semgħet bl-aħbar u meta waslet fuq il-post tar-reat, bdiet tgħajjat li kienu saru ħames rapporti kontra l-akkużat imma ma kien ġara xejn. “Xejn ma ġara u araw kif spiċċat.”

Waqt il-kontro-eżami ix-xhud qalet li mat-tfal kien imur sew u kien iħobbhom, anke jekk kien hemm darba li kellimhom ħażin. Fuq meta darba omm u missier l-akkużat kienu se jeħduh Għawdex u hi ma rieditx u qaltlu għax se jgħereq il-vapur, ix-xhud qalet li dak inhar ir-riħ kien forza 5. Madankollu qalet ix-xhud xorta għaddiet tal-akkużat u t-tifel xorta mar Għawdex.

Ix-xhud meta kienu jargumentaw bejniethom il-membri tal-familja tiegħu, nkluż il-ġenituri ma tafx kienux jindaħlu, anke jekk omm l-akkużat kienet taf x’qed jiġri iżda qatt ma intervjenit. Hija qalet ukoll li n-neputija tagħha kienet qaltilha li żewġha kien qed jisusspetta li għandha wiċċ ħaddieħor.

Ix-xhud qalet li kien fit-13 ta’ Novembru li l-akkużat meta kienu fiċ-ċentru tas-saħħa fil-Floriana li qalilha li għandha wiċċ ħaddieħor u li għalhekk hi ma riditx tmur lura. U kien hawn li x-xhud qaltlu mhux veru. Mistoqsija mill-Avukat tal-akkużat Franco Debono jekk indaħlitx xi ftit iżżejjed, hija qalet li hekk ħasset li kellha tgħid. Qalet ukoll li hu ma kien qalilha xejn, bħal biex ma tindaħalx.

Hi qalet ukoll li Bernice kellha tieħu ħsieb żewġt itfal waqt li kienet qed taħdem. Hawn l-Avukat Debono staqsa lix-xhud jekk jaqbilx magħha li l-maġġoranza tal-argumenti kienu dwar it-tfal jew għax l-akkużat kien jissuspetta li l-vittma kienet qed toħroġ ma’ raġel ieħor. Ix-xhud ikkonfermat li kienu jargumentaw ukoll għax l-akkużat kien joħroġ u jibqa’ barra sa tard ħafna.

Wara xehed l-espert Dr Martin Bajada fejn qal li hu talab għall-password tal-email tax-xogħol tal-vittma, il-kumpanija Merit kif ukoll is-sim card ta’ mowbajl li jaf tikkonsisti minn dettalji importanti mill-kont tal-midja soċjali tal-vittma. Il-Qorti awtoriżżat din it-talba biex issir lill-kumpanija li kienet timpjega lill-vittma u lill-GO għas-sim card tal-vittma.

L-aħħar xhud kien l-Ispettur Shawn Pawney mit-Taqsima tal-Omiċidji li kien diġà xehed fil-kumpilazzjoni fejn huwa ta ħarsa għall-filmati li ġabru mill-cameras tas-sigurtà ta’ dak li ġara dakinhar tad-delitt. Il-filmati juru lil Roderick Cassar miexi lejn il-karozza tiegħu qabel ma jibda jsuqha ‘l barra miż-żona. Hu beda jfiehem x’rotta ħa l-akkużat bil-karozza.

Fil-filmat jidher ukoll raġel jagħti fuq il-karozza tal-vittma u hi fil-karozza. F’wieħed mill-filmati l-akkużat jinstema’ jgħid li t-triq magħluqa għax kien hemm ħabta u l-vittma tgħid li dan mhux minnu. Wara ftit tal-ħin il-vittma tinstema’ tgħajjat għall-għajnuna. Pawney spjega li l-filmati juru wkoll lil Paul Spiteri jitkellem ma’ Kenneth Mallia wara li Spiteri nzerta lill-akkużat iwaqqaf il-karozza tal-vittma.

Pawney xehed ukoll dwar it-telefonati li rċevew mingħand in-nies biex jirrappurtaw il-każ. Il-persuni li qed jirreferi għalihom xehdu diġà u għalhekk beda jkun ferm konċiż fid-depożizzjoni tiegħu. L-Ispettur tenna li l-filmati qabdu lill-akkużat meta waqqaf il-karozza tal-vittma u ħariġha minnha.

Inqabdu wkoll l-akkużat jitlaq ftit sekondi wara li spara l-ewwel żewġ tiri fit-7.55am. Minuta wara, mara li nzertat fuq il-post ċemplet lill-Pulizija biex tirrapporta dak li kienet rat. Ġew ikkonservati wkoll posts fuq Facebook u telefonati li saru minn diversi persuni fil-ħin u wara li ġie kommess ir-reat. L-eżerċizzju sommarju ta’ dak kollu li ġie preservat mix-xhud ġie esebit lill-Qorti.

Minbarra l-akkuża ta’ femiċidju, Roderick Cassar qed jiġi mixli wkoll li żamm lill-vittma tiegħu kontra r-rieda tagħha, li uża vjolenza, inkluża vjolenza morali u psikoloġika, li uża arma tan-nar waqt li kien qed jagħmel reat u li ġarr arma mingħajr permess. Akkużi oħra jinkludu s-serq tal-mowbajl u ċ-ċwievet tal-karozza tal-vittma, u l-ħsara volontarja fil-proprjetà tagħha.

Huwa qed jiġi mixli wkoll li kiser ordni ta’ probation u li insulta terza persuna – maħsuba li kien ċivili li kien ipprova jintervjeni filgħodu dak inhar tal-qtil. Fl-aħħar nett, huwa qed jiġi mixli allegatament ffastidja wkoll lil Bernice Cassar  fil-jiem, ġimgħat u xhur ta’ qabel il-qtil.

L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jidhru għal Roderick Cassar, l-Avukati Stefano Filletti, Marita Pace Dimech, Anne Maria Cutajar u Rodienne Sciberras qed jidhru għall-familja tal-vittma.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Angelle Vella, Anthony Vella u Darlene Grima mill-Uffiċċju tal-Avulkat Ġenerali u l-Ispetturi Shawn Pawney, Wayne Camilleri u Paul Camilleri għall-Kummissarju tal-Pulizija. Il-kumpilazzjoni tkompli fis-16 ta’ Marzu fl-10.30am.