Internazzjonali

AĠĠORNATA (5): Qabżu s-7,800 il-vittmi tat-terremot fit-Turkija u s-Sirja

Tasal anke l-assistenza ta' 32 pumpier minn Malta

Il-vittmi wara t-terremot qawwi li laqat lit-Turkija u s-Sirja issa qabżu s-7,800 wara lejl ieħor ta’ tfittxija.

It-theżżiża tal-bidu tal-ġimgħa kejlet 7.8 fuq l-iskala Richter, u seħħet fl-4:17am ħin lokali, qrib il-belt ta’ Gaziantep.

It-terremot inħass fil-kapitali Ankara u fi bliet Torok oħra, kif ukoll tul il-fruntiera mas-Sirja u anke Ċipru. Fis-Sirja biss, mijjiet kienu l-persuni li tilfu ħajjithom kaġun ta’ dan it-theżżiż.

Kif żvela dan is-sit b’mod esklussiv, kontinġent ta’ uffiċjali mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ħalla Malta tard it-Tnejn filgħaxija, u t-Tlieta filgħodu kellu jingħaqad ma’ ħaddiema oħrajn ta’ salvataġġ minn bosta pajjiżi Ewropej. Dan fi sforz qawwi li qed tagħmel l-UE biex tkun ta’ appoġġ għall-poplu Tork f’dan il-mument tant diffiċli.

Rapporti qed jindikaw li sa issa diġa’ tqassmu mat-300,000 kutra lill-familji li tilfu darhom, filwaqt li ġew installati mal-40,000 tinda bħala kenn temporanju fiz-zoni li ġew l-aktar milquta mit-theżżiż.

L-isforzi ta’ salvataġġ qed ikunu imxekkla mit-temp estrem li ħakem f’dawn is-sigħat; mhux biss xita kontinwa, iżda anke temperaturi taħt iz-zero. Għalkemm il-media Torka qed tirrapporta li huma xejn anqas minn 8,000 dawk li ġew salvati fl-aħħar 24 siegħa.

Apparti minn hekk, hemm ukoll sitwazzjonijiet fejn nies spiċċaw jorqdu fil-karozzi jew barra fit-triq għaliex hemm biża’ li se jfaqqa’ terremot ieħor li jikkawża diżastru akbar f’zoni fejn hemm bini li diġa’ ġie affetwat bl-ewwel theżiżiet.

Rapporti fil-media Ingliża qed jitfgħu ukoll dawl fuq is-sitwazzjoni fl-isptarijiet, fejn ċertu swali tħallew kompletament mingħajr staff – għaliex it-tobba u l-infermieri għadhom qed jassistu lin-nies milquta mit-terremot. Apparti minn hekk, id-diżordni tat-terremot ġabet magħha wkoll sitwazzjonijiet ta’ kriminalità estrema, vandaliżmu u serq minn bosta ħwienet tal-ikel.

Il-membri tas-CPD mal-wasla tagħhom fit-Turkija