Lokali Qorti

Mixlija li serqet deheb lil omma biex tissostanzja l-vizzju mid-droga

Mara ta’ 34 sena li ilha bil-problema ta’ droga sa minn età ċkejkna ta’ 15-il sena ġiet mixlija quddiem il-Maġistrat Monica Vella li wettqet żewġ serqiet bejn Ottubru u Jannar li għadda, b’waħda mis-serqiet tkun fil-konfront ta’ omma. Il-mara li llum hija ‘homeless’ u li kienet tgħix ma’ ommha ġiet akkużata li serqitilha bi €800 f’deheb mir-residenza tagħha f’Santa Venera.

L-Ispettur Mark Cremona li flimkien ma’ l-Ispettur Elisia Scicluna ressaq lil mara qal lill-Maġistrat Monica Vella li minn investigazzjoni tal-Pulizija irriżulta li l-mara li wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontriha ġiet mixlija li serqet id-deheb fit-12 ta’ Ottubru għall-ħabta ta’ bejn is-2.30pm u t-3.30pm. Ħareġ ukoll li l-akkużata għandha żewġt itfal li qegħdin fil-kustodja ta’ omma.

Sadanittant l-Ispettur qal li fil-25 ta’ Jannar li għadda, wara nofs inhar fil-Marsa, hija serqet baskett minn karozza li kien fih €600 fi flus kontanti propjetà ta’ raġel Indjan li ħalla l-karozza miftuħa. Hija ġiet mixlija wkoll li fil-5 ta’ Frar li għadda fis-1.00pm naqset li tħares waħda mill-kundizzjonijiet imposta.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-mara nqabdet tisraq mill-karozza permezz ta’ CCTV cameras. Ma saritx talba għal libertà proviżorja bid-difiża u l-prosekuzzjoni flimkien jaqblu li jagħtu l-għajnuna tagħhom lil mara għal kontra l-vizzju tad-droga. L-Avukat tal-Għajnuna Legali Daniel Attard talba lill-Qorti biex issir rakkomandazzjoni lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sabiex hija tingħata l-għajnuna kollha possibbli.

Il-prosekuzzjoni qalet ukoll li l-imputata ikkoperat ħafna mal-Pulizija u li hija tikkommetti dawn ir-reati biex tkun tista ssostni lilha nnifisha għat-teħid tad-droga. L-Ispettur Cremona qal ukoll li saħansitra l-mara spiċċat tipprostitwixxi ruħha minħabba dan il-vizzju. Ma saret l-ebda talba mid-difiża għall-ħelsien mill-arrest bil-mara tispiċċa tibki hekk kif kienet infurmata li se tittieħed fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.