Lokali Qorti

“Pagi baxxi fil-Qorti qed iwasslu biex il-ħaddiema jitilqu” – Union Law Courts Employees

Il-pagi tal-Marixalli, Messaġġiera u l-Iskrivani li tant jagħmlu xogħol siewi fil-Qorti huma baxxi. Dawn ivarjaw bejn €850 u €950 kull erba’ ġimgħat, pagi mhux tajbin paragunati mal-ħajja tal-lum. B’referenza għal dak li ġie diskuss it-Tnejn waqt il-programm Xtra fuq TVM, il-Union Law Courts Employees qalet fi stqarrija li għalkemm għad m’għandhiex rikonoxximent xorta tixtieq tiġbed l-attenzjoni dwar dan il-fatt, fejn ħafna ħaddiema qegħdin jitilqu mill-Qorti.

Fil-programm qalet il-union issemmew id-deputati reġistraturi li jaħdmu fil-Qorti u x-xogħol delikat tagħhom, imma ma ssemmewx setturi oħra utli għall-aġenzija tal-Qorti. Il-union qalet li setgħa sar ħsieb aktar bil-għaqal ta’ kif dawn jistgħu jippreogressaq fil-pagi tagħhom.

Eżempju li seta’ seħħ kien li bejn ħamsa u tmien snin l-iskrivani jitilgħu minn Clerk 1 għal Clerk 2 u eventwalment għal Senior Clerk. B’hekk tkun qed tinċentiva lill-ħaddiema li jkun beħsiebhom jibdew karriera fil-Qorti. “F’dawn l-aħħar xhur kellma messaġġiera u skrivani li tant kienu jippromettu f’xogħlhom li ma kellhomx alternattiva oħra ħlief li jmorru jaħdmu mal-privat, u dan wara li tkun ħlejt tant enerħija u ħin żejjed tgħallem lil dawn il-ħaddiema” qalet il-union.

Ingħad ukoll li l-binja tal-Qorti fil-gżira t’Għawdex, li hija mqabbla mal-palazz tal-inkwiżitur u li qatt ma sar xejn minn Gvernijiet preċedenti u dawk preżenti u li hu mgħammar b’għamara ta’ ‘l fuq minn 50 sena ilu, ma ra l-ebda żvilupp. Jeħtieġ li jinstab post addatat fil-periferija tar-Rabat, FGħawdex li jkun jixraq lill-ħaddiem u lill-Ġudikanti li jaħdmu f’dan il-post, b’parkeġġi għalihom u għall-pubbliku.

Filwaqt illi l-Union Law Courts Employees hija lesta li tkompli tiġbed ħabel wieħed kif tenna l-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Abela, fil-programm tat-Tnejn fuq l-istazzjon nazzjonali qed tħeġġeġ lill-ħaddiema kollha li jaħdmu fil-Qrati ta’ Malta u Għawdex biex ikomplu jagħtu il-mija fil-mija tagħhom, kif dejjem għamlu sabiex il-pubbliku ikun jista’ jinqeda mill-aħjar.