Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal kaċċatur fuq diskors ta’ mibgħeda fuq post ta’ Clint Camilleri

Raġel ingħata sentenza sospiża u multa ta’ €3,000 talli inċita lill-vjolenza kontra voluntiera tal-BirdLife fuq il-midja soċjali. Stephen Micallef tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Dr Ian Farrugia akkużat li inċita l-mibegħda u l-vjolenza b’rabta ma’ kumment fuq Facebook li fih ikkummenta li “kif ħadd ma mar u tahom xeba’ tajba lil dawn in-nies (il-voluntiera tal-Bird Life Malta).”

Il-kumment ta’ Micallef kien reazzjoni għal post fuq il-midja soċjali li ttella’ mill-Ministru Clint Camilleri fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook fit-13 ta’ April 2022. Il-post tal-Ministru kienet iddikjarat li kien qed jitlob lill-Avukat tal-Istat biex jitlob lill-qrati biex jisimgħu b’urġenza l-każ li jikkontesta mandat ta’ inibizzjoni li jissospendi l-ftuħ tal-istaġun tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa.

Dan għaliex id-data inizjalment stabbilita mill-Qorti biex jibda l-każ kienet wara d-data tal-ftuħ tal-Istaġun tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa. Micallef instab ħati u kkundannat sitt xhur ħabs, sospiżi għal tliet snin flimkien ma’ multa ta’ €3000. L-Ispettur Dorianne Tabone mexxiet il-Prosekuzzjoni. Għall-imputat deher l-Avukat Edmond Cuschieri.