Basketball Sport

Starlites FIJO lura għar-rebħ u Depiro b’rebħa oħra importanti

Colin Schembri

Mellieħa Libertas………..95

Bupa Luxol………………..82

(21-17)(21-21)(27-11)(26-33)

Mellieħa żammew l-ewwel post tal-klassifika wara rebħa fuq Bupa Luxol 95-82 biex għamlu d-double fuq l-istess avversarji wara r-rebħa tal-ewwel round. Mellieħa żiedu l-formazzjoni tagħhom bl-akkwist tal-player mill-Kolombja Sebastien Valencia biex issa l-coach Cristian Narcisio għandu għażla akbar. Fl-ewwel sessjoni l-punti ta’ Luxol ġew biss miż-żewġ Amerikani tagħhom Trevian Bell u Tayler Mattos għalkemm Bell kellhu partita kwieta ferm u spiċċa qabel sħabu hekk kif ikkometta żewġ fouls anti-sportivi. Għal Mellieħa kien hemm it-trippli minn Robert Bonnici, Vukassin Jandric u Robert Bonnici flimkien mal-assists ta’ David Bugeja. It-taqsima għalqet bil- Mellieħa fuq quddiem 21-17 u huma fetħu t-tieni waħda b’run ta’ 9-0 biex fetħu vantaġġ ta’ 11 -il punt 30-19. Luxol tħabtu biex jirkupraw u kellhom aktar punti minn Mattos flimkien ma’ Marco Matijevic u Nikola Vasovic. Iż-żewġ timijiet komplew jirrispondu lil xulxin biex Mellieħa daħlu jistrieħu 42-38 minn fuq.

It-tielet taqsima fetħet bi break qawwi ta’ 20-4 minn Mellieħa li approfittaw minn żbalji ta’ Luxol u logħob individwali. Għal Mellieħa, Jandric kellhu trippla oħra flimkien mal-punti ta’ Nenad Bukva, Bugeja u Zinaich għal skor ta’ 62-42. Mattos u Matijevic irrispondew għal Luxol però fi tmiem is-sessjoni, Mellieħa kienu 69-49 minn fuq. L-aħħar taqsima, rat lil Mellieħa jżommu vantaġġ ta’ 20 punt sal-ħames minuta 80-60. Luxol ippruvaw jagħmlu sforz ieħor meta għamlu seba’ punti mingħajr risposta però qatt ma naqqsu d-distakk aktar minn 13 -il punt. Minkejja dan, kien hemm mument posittiv għaż-żagħżugħ Juan Cefai li għamel tlett trippli fil-waqt li Zinaich kompla għaddej bil-punti ta’ Mellieħa biex huma ħadu r-rebħa fuq skor finali ta’ 95-82.

Mellieħa Libertas: M. Falzon, D. Bugeja 11, R. Bonnici 3, V. Jandric 23, I. Bonett, N. Bukva 12, N. Jovanovic 3, C. Zinaich 29, M. Formosa, O. Said, S. Valencia14.

Bupa Luxol: J. Cefai 9, N. Vasovic 7, M. Sciberras 3, T. Bell 13, N. Engelbert, JP Schembri, A. Trapani, L. Trapani, V. Englin, T. Mattos 39, M. Matijevic 9, S. Cappello 2.

Referees: Bernard Vassallo, Ivica Simic, Zvezdan Dobrosaviljevic.

Hibernians………..84       

Starlites FIJO…….92

(12-15)(19-24)(22-33)(31-20)

Ic-champions Starlites FIJO reġgħu lura għar-rebħ meta għelbu lil Hibernians 92-84 biex kisbu d-double wara r-rebħa fl-ewwel round. Għal Starlites seta’ finalment jagħmel id-debutt tiegħhu l-Amerikan Zakiah Owens li wara bidu kwiet, daħal aktar fil-partita. Hibs irnexxielhom jagħmlu rimonta qawwija fl-aħħar taqsima però ma kienitx biżżejjed għalijhom biex jevitaw it-telfa. L-ewwel sessjoni kienet nieqsa mill-punti speċjalment fl-ewwel minuti tant li kellhom jagħddu kważi tlett minuti biex wasal l-ewwel basket minn Ivan Demcesen. L-ewwel punti ta’ Starlites waslu saħansitra fil-ħames minuta minn Louie Farrugia u komplew bi trippla ta’ Matthew Scerri però baskets minn Demcesen u Anton Axiaq ippareġjaw il-partita 9-9. Starlites għamlu sitt punti mingħajr risposta qabel ma Hibs għalqu s-sessjoni bi trippla ta’ Paul Attard għal skor ta’ 12-15. Fit-tieni perjodu, Starlites fetħu bi trippla ta’ Matthew Attard bil-Hibs jirrispondu bi break qasir ta’ 8-2 biex ippareġjaw fuq skor ta’ 20-20. Tlett trippli minn Darius George flimkien mal-punti ta’ Owens u Alec Felice Pace raw lil Starlites jiftħu vantaġġ ta’ 12 -il punt 37-24 però ħames punti fosthom trippla minn Demcesen naqqsu d-distakk għal 8 punti fil-mistrieħ 31-39.

Fit-tielet sessjoni, ż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin biex Hibs naqqsu d-distakk għal 4 punti. Starlites wieġbu bi trippli minn Attard u komplew b’run ta’ 18-6 b’diversi punti ta’ George u żewġ trippli ta’ Owens u temmew l-ewwel taqsima 72-53 minn fuq. Fl-aħħar taqsima, wara li Starlites kabbru l-vantaġġ għal 24 punt 77-53, Hibs bdew ir-rimonta tagħhom u għamlu run ta’ 14-2 bil-punti ta’ Demcesen, Neil Cassar, Anton Axiaq u Neil Cassar. Starlites waqqfuhom permezz ta’ George u Owens iżda Hibs għamlu 10 punti oħra mingħajr risposta u waslu sa’ basket ‘l bogħod 81-83. Hawn Hibs tilfu lil Anton Axiaq bil-ħames foul u sofrew ukoll żewġ fouls tekniċi kontrijhom biex Starlites reġgħu kabbru l-vantaġġ u żammewh sat-tmiem biex ħarġu rebbieħa 92-84.

Hibernians: N. Cassar 4, P. Attard 3, L. Attard, L. Farrugia 4, L. Borg, A. Axiaq 6, R. Aquilina, M. Attard 2, J. Bogle 22, M. Bezzina, I. Demcesen 43, G. Cassar.

Starlites FIJO: A. Felice Pace 8, Z. Owens 27, M. Attard 12, M. Barbara, M. Fabri, L. Riolo, M. Scerri 7, R. Carabott 4, L. Farrugia 6, N. Sultana, D. George 28.

Referees: Gordon Barbara, Zvezdan Dobrosaviljevic, Nicky Azzopardi

Gżira Athleta……..69

Depiro……………….75

(20-15)(18-19)(14-23)(17-18)

Xejn anqas minn rebħa ma kienet iżomm ħajjin it-tamiet ta’ Depiro li jaslu sal-play-offs u huma rnexxielhom jagħmlu dan kontra Gżira Athleta 75-69. Il-klassifika issa tara liż-żewġ timijiet b’16 -il punt kull wieħed inkużi t-tlett punti mnaqqsin ta’ Depiro li però rebħu żewġ partiti s’issa kontra Athleta. Dawn iż-żewġ timijiet issa jiltaqgħu L-Erbgħa 15 ta’ Frar f’partita li bl-akbar probabbilta se tkun deċisiva min minnhom se jasal fil-play-offs hekk kif Luxol jinsabu bi 17 -il punt b’riżultati favurijhom fil-konfronti diretti. Athleta ħassew il-wirja negattiva tal-Amerikan Roland Griffen għalkemm patta għalieh Nathan Xuereb li kellhu 29 punt b’seba’ three pointers fl-aħjar partita tiegħhu dan l-istaġun. Depiro bħas-soltu kellhom lill-Amerikan Kameron Rooks dominanti taħt il-boards b’25 rebound flimkien ma sitt assists b’Miguel Brincat ukoll ikollhu partita tajba. Intant kienu Depiro li ħadu l-ewwel vantaġġ ta’ 9-3. Athleta wieġbu b’run ta’ 15-4 fejn għamlu 4 trippli,tlieta minn Xuereb u oħra ta’ Peter Shoults biex temmew l-ewwel sessjoni 20-15 minn fuq. Fit-tieni taqsima, Depiro wkoll fetħu bi trippli ta’ Brincat u Andrew Aquilina biex reġgħu marru fuq quddiem 25-24. Athleta wieġbi bi break ta’ 11-2 bit-three pointers ta’ Xuereb u Shoults u minkejja li Depiro ġew lura bil-punti ta’ Rooks u Cameron Cornelius, Athleta daħlu jistrieħu 4 minn fuq 38-34.

Wara l-intervall, Depiro fetħu bit-trippli ta’ Cornelius u Brincat u komplew b’run ta’ 12-2 bil-punti ta’ Rooks u Aquilina biex marru 6 sitta minn fuq 54-48. Ir-risposta tal-Athleta ġiet minn Xuereb u trippla ta’ Griffen però Depiro temmew is-sessjoni 57-52 minn fuq. L-aħħar sessjoni kienet missielta bl-Athleta jaslu sa’ basket ‘l bogħod wara aktar trippli minn Xuereb u Shoults . Brincat u Cornelius taw ftit tan-nifs lil Depiro għalkemm Athleta wieġbu bi trippla ta’ Francesco Mifsud Bonnici biex baqgħu jittamaw. Athleta ppruvaw iwaqqfu l-arloġġ però Depiro għamlu l-free-throws finali biex ħarġu rebbieħa 75-69.

Gżira Athleta: H. Van Herk 3, F. Mifsud Bonnici 9, N. Buhagiar, P. Shoults 9, L. Stefanovic 3, J. Ellul Dowling, N. Xuereb 29, R. Griffin 12, I. Xuereb, R. Abela, I. Medved 2, B. Zammit 2.

Depiro: S. Galea 1, J. Micallef, A. Aquilina 11, N. Grech, K. Rooks 29, M. Brincat 15, M. Mallia, C. Cornelius 17, M. Debattista, K. Caruana 2.

Referees: Daniella Torok, Fiorentina Ciurariu, Bogdan Mrkojevic.