Lokali

Anton Refalo jiġġustifika l-kuntatti li kellu Abela ma’ Maġistrat

Wara li l-Prim Ministru bla mistħija ta’ xejn ammetta li kellu kuntatti ma’ Maġistrat … il-Ministru Anton Refalo saħaq li Robert Abela huwa bniedem ġust – u li dan l-istazzjon qed jibni storja mix-xejn.

Meta mistoqsi minn Net News dwar dak li stqarr il-Prim Ministru – meta saħaq li kellu taħdidiet ma’ Maġistrat – il-Ministru Anton Refalo baqa’ jiddefendi lill-Mexxej Laburista. Iżda fl-istess waqt, ma weġibx domanda semplici; jekk hu persunali qattx kellu kuntatt ma’ membru tal-ġudikatura.

Fl-aħħar jiem, il-Kamra tal-Avukati ikkundannat dak li qal Robert Abela dwar taħdidiet li kellu ma’ Maġistrat.

Il-Kamra tal-Avukati nsistiet li d-djalogu li kellu l-Prim Ministru ma’ ġudikant li jifforma parti mill-Maġistratura imur kontra l-Kodiċi tal-etika tal-ġudikatura jekk dan seħħ mingħajr ma saret konsulta mal-Prim’Imħallef. Il-Kamra tal-Avukati saħqu wkoll li dan huwa prinċipju bażiku li dejjem għandu jiġi rrispettat. Iżda minn dak li qalilna il-Ministru Anton Refalo, tal-Labour iħossu li dan l-aġir….qisu xejn mhu xejn.

Wara ħafna logħob bid-diskors, il-Ministru infexx jattakka l-Partit Nazzjonalista b’mod partiġġjan minflok ma kompla jwieġeb id-domandi ta’ Net News.

Dwar dak li qal Robert Abela … mhux il-Ministri kollha qed jieħdu l-istess pożizzjoni – min baqa’ ifarfar, min qed jgħid li ma kellimx membri tal-ġudikatura, u min qalilna li l-Prim Ministru għamel tajjeb.