“Il-fatt li għaddew xhur minn meta seħħ l-inċident ta’ Jean Paul Sofia u għadu ma tressaq ħadd b’rabta ma’ dan il-każ – jibqa misteru kbir. Dan il-każ serju ħalla ħames persuni midruba serjament u zaġħżugħ mejjet – u sa issa, kien hemm biss skiet assolut mill-awtoritajiet.”
Hekk stqarr l-Editorjal tal-MaltaToday b’referenża għal każ ta’ Jean Paul Sofia – iż-żagħżugħ ta’ 20 sena li miet fit-3 ta’ Diċembru li għadda wara li iġġarfet binja f’Kordin li kienet qed tinbena.
Fl-aħħar jiem, meta fil-Parlament kien mistoqsi jekk hux se tinfetaħ inkjesta pubblika b’rabta mal-mewt ta’ dan iż-żagħżugħ, Robert Abela spiċċa jilgħab bid-diskors sabiex jaħrab id-domandi.
Fit-tweġiba tiegħu, Abela qal li filwaqt li bħalissa qed issir inkjesta Maġisterjali u l-Pulizija għaddeja bl-investigazzjonijiet tagħha … insista sabiex inħallu l-istituzzjonijiet jaħdmu f’serenità.
Skont l-Editorjal … Abela qed jinjora fatt kruċjali; id-differenza bejn investigazzjoni kriminali li tinkludi inkjesta magisterjali u li permezz tagħha isib min hu responsabblli – u l-ħtiega ta’ inkjesta pubblika li tidentifika in-nuqqasijiet istituzzjonali li setgħu wasslu għal inċident bhal dan.
L-editorjal tal-MaltaToday innota li filwaqt li inkjesta Magisterjali hija importanti li ssir, inkjesta pubblika u indipendenti tagħti serħan il-moħħ kemm lill-familja tal-vittma kif ukoll lin-nazzjon kollu.
Filfatt, fl-aħħar jiem, il-familja taż-żagħżugħ esprimiet id-dispjaċir tagħha għall-fatt li sa issa, l-awtoritajiet baqgħu ċassi u ma għamlu xejn sabiex isir ġustizzja. Saħansittra fuq il-medja soċjali, il-qraba taż-żgħażugħ saħqu li l-familja tinsab mkissra għaliex għad hemm ħafna domandi mhux imwieġba.
Anke l-Kap tal-PN Bernard Grech appella biex issir din l-inkjesta pubblika li tassew tkun indipendenti.
L-editorjal tal-MaltaToday jinnota li preżentament hemm 87 inkjesta maġisterjali li għadhom miftuħa beraħ u li dawn jittrattaw mwiet f’siti ta’ kostruzzjoni li seħħew fl-aħħar 7 snin. Bl-editur jinsisti illi jkun għaqli li kieku isir investigazzjoni separat sabiex tindaga għaliex tant minn dawn l-inkjesti għadhom miftuħa … wara dawn is-snin kollha.
//= $special ?>