Lokali Qorti

Ħabs għax agredixxa raġel għax ma riedx jagħtih sigarett u flixkun birra

Somalu ta’ 21 sena ġie kundannat 18-il xahar ħabs mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, wara li sabitu ħati li f’Novembru tal-2020 għax ma riedx jagħtih sigarett u flixkun birra kkaġunalu ġrieħi ħfief f’xufftejh, f’dahru u f’idu x-xellugija f’Birżebbuġa.

Hassan Jama Hassan instab ħati li wettaq dan ir-reat fil-11 ta’ Novembru tal-2020 għall-ħabta tal-10.45pm fil-Bajja s-Sabiħa. L-Ispettur Janetta Grixti qalet fil-Qorti li l-aggressjoni seħħet xħin l-imputat mexa wara l-vittma, qabdu mill-but ta’ wara u aggredieh wara li rrifjuta li jagħtih sigarett u flixkun birra, meta dak il-ħin il-vittma qal li kellu tliet flixken birra f’idu.

Il-Prosekuzzjoni xliet lil Hassan b’attentat ta’ qtil permezz ta’ sikkina. Il-Qorti iżda qalet li hija tinnota li għalkemm jirriżulta li l-imputat kien fil-pussess ta’ sikkina, l-istess Prosekuzzjoni baqgħet ma ġabitx prova tas-sikkina fil-Qorti, anke jekk irriżulta li l-feriti saru b’sikkina u għalhekk lanqas ma ġiet ippruvata l-akkuża li kellu arma bka liċenzja jew permess mingħand il-Kummissarju tal-Pulizija għall-ġarr tagħha.

Il-Qorti qalet li jirriżulta sodisfaċentement ippruvat illi fil-jum, fil-ħin u fil-lok in kwistjoni, mingħajr il-ħsieb li joqtol jew li jqiegħed il-ħajja tiegħu f’periklu ċar, l-imputat ikkommetta offiżi ta’ natura ħafifa. Il-Qorti qalet ukoll li mill-atti proċesswali jirriżulta illi fil-ħin li twettqu l-allegati reati ma kienx hemm persuni oħra fil-viċinanzi u għalhekk ma kienx hemm xhieda ta’ dak li ġara.

L-ewwel minn dawn tirrigwarda l-inħawi li fihom kien l-imputat fil-ħin li skont il-vittma, huwa ġie aggredit. Mistoqsi fejn kien jinsab qabel waslu l-Pulizija għall-ħabta tal-10.45 p.m., huwa jistqarr illi huwa kien fuq il-bajja ta’ Birżebbuġia ħdejn l-istazzjon tal-karozzi tal-linja, jikkonsma xorb alkoħoliku fuq bank, u li minn hemm proċeda lejn id-dar, fejn wara marru l-Pulizija.

Mit-18-il xahar ħabs, il-Maġistrat ordnat li jitnaqqas kull żmien li l-imputat għamel taħt arrest preventiv. Hija poġġiet lill-akkużat taħt ordni ta’ trażżin għal tliet snin. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Janetta Grixti