Sport Sport Ieħor

Ibburdjar: Il-Ħamis tibda l-Yachting Malta BSC International Regatta

Mill-ewwel edizzjoni tal-2021, il-Yachting Malta BSC International Regatta qed tissaħħaħ kif jidher mil-livell ta’ parteċipanti li se jkunu qed jieħdu sehem din il-ġimgħa. Ir-regatta ta’ erbat ijiem tibda għada u tispiċċa l-Ħadd 12 ta’ Frar, bil-Klabb ta’ Birzebbuġa li qed jorganizza jistenna bil-ħerqa lil madwar 120 baħri li jirrappreżentaw tmien pajjiżi.

It-Tim Nazzjonali Malti tal-ibburdjar se jkun qed jikkompeti wkoll f’dan l-avveniment, li hu wieħed mill-avvenimenti Ranking, li se jservi w bi tħejjija għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa li jmiss li ser jsiru f’Malta f’Ġunju li ġej. Fil-Flotta Optimist fost il-baħrin preżenti, hemm Ole Jagers tal-Olanda u Daniel Mikhailichenko tal-Ukrajna li spiċċa fir-raba’ post fil-Kampjonati tad-Dinja Optimist 2022 u Erik Scheidt tal-Litwanja li spiċċa fis-seba’ post fl-Optimist Worlds fejn missieru Robert Scheidt, kien wieħed mill-aktar baħrin ta’ suċċess tal-Klassijiet Olimpiċi fejn rebaħ ħames midalji Olimpiċi.

Fost il-Maltin Timmy Vassallo (Malta Young Sailors’ Club), Jonas Micallef (Royal Malta Yacht Club), u Emily Fenech (Birzebbuġa Sailing Club). Fil-Flotta ILCA, l-aqwa baħrin lokali għal din il-flotta huma Benjamin Vassallo (Malta Young Sailors Club) Jake Mallia, Matthew Flores, Shaun Aquilina, Lacey Aquilina, li kollha jirrappreżentaw lill-klabb ta’ Birzebbuġa u Dimitri Pipi-Vertsonis (RMYC) se jkunu fost il-flotot tal-ILCA 4 u 6 Klassijiet. Intant, il-klabb ospita ftit jiem ta’ coaching immexxija minn Simone Ricci u Ivan Vassilev li għaliha attendew 30 baħri mill-Bulgarija, Ġappun, Latvja, Litwanja, Olanda, Tajlandja, Ukrajna, u Malta.

Il-Yachting Malta Birzebbugia Sailing Club International Regatta hija organizzata taħt l-awspiċi tal-Malta Sailing Federation u sponsorjata minn Yachting Malta Ltd.