Lokali Qorti

Il-ġuri dwar l-omiċidju tal-Baruni Sant Cassia pospost minħabba s-saħħa mentali tal-akkużat

Il-ġuri ta’ Carmelo Camilleri mill-Mosta akkużat bil-qtil tal-Baruni Frank Sant Cassia fl-1988 li kellu jibda l-bieraħ (It-Tlieta 7 ta Frar) ġie pospost minħabba s-saħħa mentali tal-akkużat. Camilleri qed jiġi mixli li għal somma flus kien qatel lill-Baruni Sant Cassia, li kellu 68 sena, quddiem ir-residenza tiegħu, Castello Zammitello fl-Imġarr, f’omiċidju deskritt bħala wieħed ippjanat. Il-qtil kien seħħ 34 sena ilu, eżattament fis-27 ta’ Ottubru 1988.

Ġimgħatejn ilu d-difiża mmexxija mill-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta ppreżentat rikors dwar l-istat ħażin ħafna tas-saħħa mentali tal-akkużat li ma jistax jikkomunika iktar ma’ ta’ madwaru u lanqas mal-avukati tiegħu u għalhekk intalbet perizja psikjatrika.

Inħatar Dr. Joe Cassar li f’rapport li għamel li ħalfu quddiem il-Qorti Kriminali irrakomanda li għat-tliet xhur li ġejjin jinżamm l-isptar Monte Carmeli għall-osservazzjoni. Fil-fatt il-Qorti ddiferiet il-ġuri għat-Tnejn, 24 ta’ April. Dan biex jiġi deċiż jekk Camilleri ta’ 67 sena, huwiex tajjeb biex iwieġeb għall-akkużi, fatt li jrid jiġi determinat mill-psikjatra Cassar. Jekk le, jibqa’ jinżamm l-isptar mentali.

Ir-residenza fejn sar il-qtil għada tintuża sal-lum bħala sala tat-tiġijiet. Il-każ baqa’ ma kienx solvut sakemm fl-2004 il-Pulizija rċeviet informazzjoni li kien Carmelo Camilleri li qatel lill-Baruni, f’xi ħin bejn l-4.30 p.m. u s-6.30 p.m. Minn ta l-informazzjoni lill-Pulizija kien qalilhom li Camilleri kien staħba wara ċint tas-sejjieħ faċċata tar-residenza u meta l-Baruni Sant Cassia ħareġ mid-dar tiegħu sparalu tir f’rasu bil-vittma jmut mill-ewwel fuq il-post. Il-ġuri jekk isir se jkun presedut mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera. Camilleri huwa assistit mill-avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta.