Lokali

Il-Gvern ikisser id-dritt kostituzzjonali tal-ħaddiema – PN

Illum hi ġurnata sewda ħafna fir-relazzjonijiet industrijali u d-drittijiet tal-ħaddiema. Is-sitwazzjoni fl-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS), fejn żewġ impjegati tkeċċew talli obdew id-direttivi tal-union tagħhom (UPE), hi illegali u inaċċettabbli.

Dan ħareġ fi stqarrija tal-Partit Nazzjonalista tad-Deputati Nazzjonalista Ivan Castillo u Mario de Marco.

Minflok għandna gvern li jissalvagwardja d-drittijiet tal-ħaddiema, għandna gvern li qed jiċħdilhom id-dritt kostituzzjonali ta’ assoċjazzjoni u d-dritt li jobdu direttiva mogħtija mill-union li tirrappreżentahom, anke jekk m’għandhiex maġġoranza rappreżentattiva.

Il-fatt li artiklu antikostituzzjonali fil-ftehim kollettiv tal-ITS, fejn union waħda biss tista’ tippreżenta tilwima industrijali, għadda minn idejn id-DIER, li xogħlu hu li jiżgura li l-ebda artikolu fil-ftehim kollettiv ma jmur kontra l-liġi, kif ukoll li d-drittijiet tal-ħaddiema kollha irrispettivament mill-għażla tal-unjin jew rappreżentanza tagħhom, juri l-istat li fih jinsab id-DIER. U dan imur kontra kull dritt tal-bniedem u tal-ħaddiem, li ħafna qabilna żguraw li għandna.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li kull union għandu jkollha d-dritt li tirrappreżenta lill-membri tagħha mingħajr ma tneħħi l-benefiċċji li għandha l-union rappreżentattiva. Il-Partit Nazzjonalista diġà għarraf lill-gvern dwar din is-sitwazzjoni fi stqarrija fit-30 ta’ Diċembru, iżda l-gvern ta’ Robert Abela rrifjuta milli jisma’.

Għaldaqstant, itenni li, mingħajr telf ta’ ħin, dawn iż-żewġ ħaddiema jerġgħu jiddaħħlu u jkunu kkumpensati mill-ewwel bit-telf fil-paga li sofrew, li wkoll imur kontra l-liġi. L-ebda ħaddiem m’għandu jiġi ddiskriminat għall-għażla tal-union tiegħu.

Barra minn hekk, il-Partit Nazzjonalista jrid jara wkoll li, mingħajr telf ta’ żmien, id-DIER jiftaħ investigazzjoni biex jassigura li klawżoli bħal dawn, li jmorru kontra l-liġi u l-kostituzzjoni, jitneħħew biex ebda ħaddiem ieħor ma jbati sitwazzjoni simili.