Internazzjonali

AĠĠORNATA (3): Il-vittmi tat-terremot jitilgħu għal kważi 11,000

Aktar minn 37,000 il-persuni li spiċċaw feruti

It-terremot ta’ nhar it-Tnejn li għadda qed jitqies bħala l-agħar diżastru naturali ta’ dan il-millenju, bin-numru ta’ vittmi issa laħħaq kważi l-11,000 persuna.

Skont ċifri uffiċjali, fit-Turkija biss mietu 8,500 filwaqt li fis-Sirja l-vittmi telgħu għal 2,470.

L-awtoritajiet Maltin it-Tnejn qalu li fiz-zoni milquta ma’ kien hemm ħadd minn pajjiżna li ġie affetwat.

L-isforzi ta’ salvataġġ qed ikunu imxekkla mit-temp estrem li ħakem f’dawn is-sigħat; mhux biss xita kontinwa, iżda anke temperaturi taħt iz-zero.

Intant, fil-pajjiż qed tikber ir-rabja lejn il-President Erdogan minħabba li f’ċertu zoni remoti l-għajnuna damet wisq biex waslet. Filwaqt li hemm postijiet li għadhom sa issa lanqas biss intlaħqu.

U fost bosta xeni ta’ qsim il-qalb spikkat xena ta’ ferħ hekk kif familja sħiħa ġiet salvata minn taħt tit-tifrik iktar minn 48 siegħa wara li seħħ it-terremot it-Tnejn li għadda.

Xena oħra ta’ ferħ kienet meta tarbija li kienet għadha kkemm twieldet inħarġet ħajja minn taħt it-tifrik… b’dak li qed ikun deskritt bħala miraklu… Skont ġurnalisti fiz-zona, l-omm mietet eżatt malli welldet, tant li t-tarbija kienet għadha bil-kurdun.

B’tifel ta’ tmien snin jinħareġ ukoll minn taħt it-tifrik wara li kien ilu maqbud għal kważi 52 siegħa.