Internazzjonali

Is-Sirja titlob uffiċjalment għall-għajnuna, jiem wara t-terremoti l-kbar

Is-Sirja, li għadha tikkalkula l-vittmi tat-terremoti tat-Tnejn fir-reġjun, talbet uffiċjalment għall-għajnuna taħt skema li tappoġġja lill-pajjiżi milqutin mid-diżastri naturali u li magħrufa bħala s-Civil Protection Mechanism tal-Unjoni Ewropea.

It-Turkija wkoll talbet l-assistenza mill-iskema, bin-nies responsabbli mill-crisis management centre fi Brussell qed jevalwaw l-aħjar tip ta’ għajnuna lis-Sirjani.

It-trasport tal-għajnuna lejn is-Sirja għandu jkun aktar ikkumplikat mill-movimenti ta’ fejda lejn it-Turkija, peress li ħafna artijiet Sirjani huma meqjusin bħala zona ta’ gwerra.

Fil-fatt, it-territorji fit-Tramuntana tas-Sirja huma maqsumin bejn il-qawwiet tal-Gvern u l-gruppi tar-ribelli li jopponu lir-reġim ta’ Bashar al-Assad –madankollu, l-UE hi impenjata bis-sħiħ biex tipprovdi l-għajnuna lis-Sirjani permezz tan-networks umanitarji li twaqqfu apposta għal dawn l-emerġenzi.

Sadnittant, l-Organizzazzjoni għall-Voluntiera bl-isem White Helmets li qed taħdem fin-naħat tas-Sirja kontrollati mill-Oppożizzjoni qed tieħu ħsieb l-isforzi biex isalvaw in-nies milqutin mit-terremot qalb iz-zoni kontrollati mir-ribelli,. Huma anki jinsabu fi ġlieda ddisprata mal-ħin, bil-kelliema jsostnu li kull siegħa li tgħaddi kapaċi żżid maċ-ċifra tal-vittmi.