Internazzjonali

It-twaqqigħ tal-MH17: Indikazzjonijiet li ‘Putin ipprovda l-missila’

Hemm indikazzjonijiet qawwija li l-President tar-Russja Vladimir Putin kien iddeċieda biex jissupplixxi l-missila li, fis-sajf tal-2014, intużat biex twaqqa’ l-ajruplan domestiku – Titjira MH17 – tal-Malaysia Airlines u bir-riżultat li kienu mietu kważi 300 persuna.

It-traġedja seħħet fuq l-Ukrajna u l-investigaturi issa qed jippuntaw is-swaba lejn ‘is-sehem ta’ Putin’ anki jekk mhemm l-ebda suġġeriment li l-President Russu kien ħareġ l-ordni speċifika biex l-ajruplan jitwaqqa’.

Il-prosekuturi qalu li jeżistu l-provi li Putin iddeċieda li jipprovdi l-missila lis-separatisti fl-Ukrajna li qed jiġġieldu kontra l-qawwiet ta’ Kiev.

F’Novembru, qorti fl-Olanda kienet sabet lil tlett irġiel – żewġ Russi u Ukren – ħatja dwar omiċidju b’konnessjoni mal-qerda ta’ Titjira MH17. Il-verdetti ngħataw fl-assenza tal-imputati u bir-Russja tirreferi għall-verdetti bħala ‘skandalużi’ u ‘motivati minn skop politiku’.

Intant, il-prosekuturi qalu li issa spiċċawlhom il-provi u x-xhieda u li huma ma jistgħux ikomplu bil-proċeduri kriminali.

L-ajruplan domestiku – Boeing 777 – kien għaddej bi vjaġġ mill-Olanda lejn il-Malasja meta ntlaqat mill-missila f’Lulju tal-2014 u waqt li il-konflitt bejn ir-ribelli favur ir-Russja u t-truppi Ukreni fir-reġjun tad-Donbas, fl-Ukrajna.

196 minn fost il-298 passiġġieri u membri tal-ekwipaġġ kienu Olandiżi waqt li l-oħrajn kienu passiġġieri mill-Malasja, l-Awstralja, ir-Renju Unit, il-Belġju u pajjiżi oħra.