Internazzjonali

It-terremoti fit-Turkija: Erdogan iżur iz-zoni milquta; il-vittmi jaqbżu t-13,000

Il-poplu fit-Turkija jinsab irrabjat għal kif il-Gvern tagħhom indirizza l-akbar emerġenza fil-pajjiż għal għexieren ta’ snin, wara ż-żewġ terremoti terribbli tat-Tnejn li għadda…It-theżżiż tal-art, skont l-aħħar ċifri, ħallew talanqas 10,000 mejtin fl-artijiet Torok minbarra eluf oħra ta’ mejtin fis-Sirja (ċifra li ma kenitx ikkonfermata sal-ħin li morna għall-istampa).

Filwaqt li l-ammont tal-mejtin mistenni jiżdied minn jum għal jum fiż-żewġ pajjiżi, il-President tat-Turkija RecepTayyip Erdogan żar uħud mill-agħar siti milqutin mit-terremoti anki waqt li kompliet tikber il-kritika għall-Gvern u r-reazzjoni tiegħu għall-katastrofi.

Ħafna residenti fl-agħar zoni affettwati mit-terremot kellhom kliem iebes ħafna għall-ħidma tal-Awtorità Torka li tindirizza sitwazzjonijiet ta’ Emerġenzi Nazzjonali. Dan waqt li oħrajn ikkundannaw lill-awtoritajiet għall-fatt li ma kenux ippreparati għal ċirkustanzi ddisprati ta’ dan it-tip.

Il-kritika kienet partikularment qawwija f’Ankara, bil-Kap tal-Oppożizzjoni Torka, Kemal Kilicdaroglu, jakkuża direttament lil Erdogan bħala ‘il-bniedem responsabbli għal din it-traġedja’.

Dan wara li l-President Tork iddikjara stat ta’ emerġenza – effettiv għal tliet xhur – fl-għaxar provinċji tat-Turkija li ġarrbu l-akbar impatt mit-terremot. L-istat tal-emerġenza jintemm qabel l-elezzjonijiet tal-14 ta’ Mejju fit-Turkija u fejn Erdogan qed jittama li jestendi l-mandat tat-tmexxija wara 20 sena fit-tmun tal-pajjiż.

L-Oppożizzjoni ewlenija tat-Turkija tinvolvi alleanza ta’ partiti taċ-ċentru-lemin u x-xellug u mistenni li Kilicdaroglu ukoll jikkuntesta għall-Presidenza tal-pajjiż. Hu, sal-bieraħ, kien qed jiċħad għal kull laqgħa ma’ Erdogan waqt li akkuża lill-Gvern Tork b’li hu aktar ħsiebu fl-eżerċizzji tar-relazzjonijiet pubbliċi milli fl-impenji ta’ fejda konkreti għal din l-emerġenza umana.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Torka sostna li l-Gvern ta’ Erdogan kien ilu 20 sena ma jipprepara għal ‘terremot kbir potenzjali’ – bin-nies qegħdin jikkuntestaw lill-Gvern dwar ‘taxxa speċjali għall-komunikazzjoni’ li titħallas kull darba li jkun hemm theżżiża tal-art u meta l-Gvern ma jispjega qatt kif jintefqu dawn il-flus.

Il-kundanna għal Erdogan u l-Gvern tiegħu ġejja wkoll mill-abbonaturi tal-media soċjali li akkużaw lill-media tal-Gvern b’li qed ‘ittaffi’ l-kritika tan-nies residenti fiz-zona tat-terremot. Dan meta r-residenti qed jgħidu li l-għajnuna mill-Istat mhix biżżejjed fiċ-ċirkustanzi – u bl-istazzjonijiet tat-televiżjoni Torok qegħdin jaqtgħu s-servizzi minnifuh mill-postijiet tat-traġedja f’każi fejn in-nies jinstemgħu jikkritikaw lill-Gvern u lil Erdogan.

Min-naħa tiegħu, il-President Erdogan ammetta li kien hemm id-diffikultajiet waqt l-ewwel reazzjonijiet għad-diżastru u qal li dawn kienu dovuti ‘għall-ħsarat fit-toroq u fl-ajruporti’. Hu appella biex in-nies jagħtu każ biss il-komunikati tal-Gvern waqt li ‘jinjoraw lill-persuni li jridu jaqalgħu d-diżgwid’.

U waqt li l-President kien qed idur u jiltaqa’ man-nies fl-inħawi ta’ Kahramanmaras. Hatay u Pazarcik – l-epiċentru tat-terremot – il-familji f’dawn iz-zoni rakkuntaw li r-reazzjoni ‘inaċċettabbli’ mill-Istat qed tfisser li huma, f’ħafna drabi, mhumiex isibu l-għajnuna biex iħaffru qalb it-tifrik tal-bini mwaqqa, fost it-tamiet li jinstabu aktar ħajjin.