Lokali Parlament

Jeħtieġ bidla kbira biex jissolvew il-problemi kbar li hemm fil-qrati

Joe Giglio, PN

Jeħtieġ bidla fil-mentalità fil-qrati għaliex mhux faċli li ssir rifoma meta jkun hemm min qed jirreżisti din il-bidla tant importanti biex titjieb is-sitwazzjoni fir-riżorsi tal-qrati Maltin.

Dan sostnih fil-parlament id-deputat Nazzjonalista Joe Giglio fejn qal li mhux korrett li jingħad li l-qrati għandhom ir-riżorsi kollha li għandhom bżonn biex jaħdmu, kif allega l-Prim Ministru.

Fil-qrati għad hemm ħafna nuqqasijiet li qed jimpattaw negattivament fuq is-sistema fosthom nuqqas ta’ traskritturi fil-kawżi, nuqqas ta’ persuni fir-Reġistru tal-Qorti li joħorġu l-kont tal-kawżi u fin-numru ta’ esperti fl-inkjesti u fil-proċessi kriminali fejn jiġu appuntati dejjem l-istess persuni.

Id-deputat Nazzjonalista qal li n-nuqqas ta’ assistenti tal-qorti hi problema kbira waqt li nuqqas ieħor hu dak ta’ ħaddiema fil-qrati tant li anki kawżi jkunu differenti propju minħabba nuqqas ta’ ħaddiema.

Joe Giglio semma’ l-kumpilazzjonijiet u qal li s-sistema hi antikawata li m’għadhiex adegwata għaż-żminijiet tal-lum. S’issa l-ebda amministrazzjoni ma kellha l-kuraġġ tbiddel il-mod kif jaħdmu l-kumpilazzjonijiet.

F’ħafna kawżi l-Avukat Ġenerali jkun fl-awla preżenti u għalhekk ma jagħmilx sens li l-proċess imur mill-qorti għall-Uffiċċju tal-AĠ u lura, meta l-Avukat Ġenerali jkun preżenti fl-awla. Is-sistema tal-kumpilazzjonijiet ma tamgħilx sens għaliex ir-reati llum saru iktar kumplikati u għalhekk ma jistax jibqa’ jkollna sistema antikwata.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-PN lest jiddiskuti mal-gvern biex isiru l-aħjar riformi għal sistema iktar rilevanti u li biha l-kumpilazzjonijiet ma jibqgħux wieħed mill-arma biex iddum biex tingħata sentenza finali.

Joe Giglio qal li l-akbar problema fil-kumpilazzjonijiet hi li m’hemmx termini ta’ meta dawn jispiċċaw u spjega kif hemm ħela ta’ ħin li jwassal għal 12-il ġimgħa sempliċiment biex ikun dikjarat li m’hemmx aktar provi x’jitressqu. Dawn ikunu atti ta’ disprezz lejn l-awtorità tal-qorti u l-partijiet fil-kawza, sostna d-deputat Nazzjonalista, li appella għal riforma ħolistika fil-qrati.

Nuqqasijiet oħra huma dwar il-bżonn uġrenti ta’ maġistrati li jaħdmu fuq l-inkjesti biss, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li llum hawn ħafna inkjesti kumplikati li issa ilhom pendenti snin twal. Mhux aċċettabbli li llum hemm hemm maġistrati part-time li qed jiffukaw fuq dawn l-inkjesti minħabba li għandhom xogħol ieħor x’jagħmlu.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-binja tal-qorti llum ma tistax takkomoda lil kulħadd u għalhekk hemm nuqqas ta’ awli. Problema oħra hi li, minħabba nuqqas ta’ ħaddiema, meta jkun hemm żbank ta’ flus il-proċess sakemm persuna tirċievi l-flus jista’ jdum xhur.

Hu semma’ l-Avukat tal-Istat u qal li meta l-qorti tagħti s-sentenza b’kumpens finanzjarju għax ikunu nkisru d-drittijiet tal-bniedem, suppost l-Avukat tal-Istat jħallas dak il-kumpens u l-ispejjeż tal-kawża b’mod imemdjat, iżda meta joħroġ il-kont biex jingħata l-kumpens jkun hemm diffikultajiet kbar biex jitħallas il-kumpens.