Lokali

Jinħatru erba’ Maġistrati ġodda – Bżonn ta’ aktar riżorsi

Ftit tal-ħin ilu fil-Palazz ta’ San Anton inħatru erba’ Maġistrati ġodda. Dawn huma Kevan Azzopardi, Gianella Camilleri Busuttil, Abigail Critien u Joseph Gatt.

Kien fil-25 ta’ Jannar meta is-Segretarju tal-Kumitat tal-Ħatriet tal-Ġudikatura – Frankie Mercieca, ippreżenta lill-President George Vella r-rapport dettaljat dwar il-kandidati li ġew irrakkomandati bħala idonji għall-ħatra ta’ Maġistrat, fejn wassal għal evalwazzjoni dettaljata ta’ kull kandidat li fil-fehma tal-Kumitat kienu l-aktar ta’ mertu.

Billi skont il-Kostituzzjoni, il-Maġistrati għandhom jiġu maħtura mill-President, li jaġixxi fuq ir-rakkomandazzjoni magħmula mill-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura – il-President ħatar lil dawk li  l-aktar għandhom mertu għall-kariga ta’ Maġistrat fil-Qrati Inferjuri.

Filwaqt li awguralhom kull suċċess għal din il-kariga ġdida li titlob responsabbilta’ kbira, il-President ta’ Malta George Vella ħeġġiġhom sabiex iħarsu u jipproteġu lil min hu l-aktar vulnerabbli fis-soċjeta’ u insista li għandhom iwettqu r-responsabiltajiet tagħhom b’imparzalità u integrità.