Lokali

Jitkeċċew żewġ ħaddiema b’mod inġust mill-ITS wara li obdew direttiva mill-union

“Dawn it-tip ta’ skandli ma jistgħux isiru n-norma f’pajjiżna.”

Dan intqal fi stqarrija tal-UPE hekk kif s-sitwazzjoni fl-ITS issa spiċċat waħda ferm inkwetanti, wara li żewġ impjegati tkeċċew b’mod inġust talli obdew id-direttivi tal-union tagħhom. U fi kliem diversi edukaturi, dan juri biċ-ċar li l-istituzzjonijiet fallew milli jipproteġu d-drittijiet tal-ħaddiema; f’sitwazzjoni li qed tiġi deskritta bħala skandlu.

Kollox beda minħabba artiklu fil-ftehim kollettiv tal-ITS illi jgħid li union waħda biss tista’ tirrapreżenta tilwima industrijali….artiklu li għadda minn idejn id-DIER. Xogħol id-DIER huwa li jiżgura fost l-oħrajn li d-drittijiet tal-ħaddiema kollha jkunu rispettatti, irrispettivament mill-għażla tal-union tagħhom.

Iżda t-tkeċċija ta’ dawn iż-żewġ impjegati turi biċ-ċar li dan l-artiklu fil-ftehim kollettiv imur kontra kull dritt tal-ħaddiema. U allura, din il-mossa hija waħda illegali kif ukoll inaċċettabbli.

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal illi dan kollu juri li l-Gvern ta’ Robert Abela ċaħdilhom id-dritt kostituzzjonali ta’ assoċjazzjoni kif ukoll id-dritt li jobdu direttiva mogħtija mill-union li tirrappreżentahom anke jekk din il-union partikolari f’dan il-każ m’għandiex il-maġġoranza rappreżentattiva.

Minn naħa tagħhom, il-UPE kkundannaw dan l-iskandlu filwaqt li sostnew li dan hu attakk fuq id-demokrazija. Barra minn hekk, huma qalu li l-istituzzjonijiet fallew li jipproteġu d-drittijet tal-ħaddiema; fost dawk li fallew hemm id-DIER, u l-Ministeru tat-Turiżmu li huwa responsabbli mill-ITS.

Fl-istqarrija huma qalu li preżentament il-ħaddiema huma mhedda li jitilfu l-impjieg tagħhom jekk ma jagħżlux il-union ippreferuta mill-istituzzjoni. Il-UPE tenniet li dawn it-tip ta’ skandli ma jistgħux isiru n-norma f’pajjiżna filwaqt li saħqu li se jkomplu jiġġieldu sakemm dawn l-impjegati jieħdu ġustizzja totali.

Fi stqarrija tal-Partit Nazzjonalista maħruġa mid-Deputati Nazzjonalisti Ivan Castillo u Mario de Marco huma qalu li dawn iż-żewġ ħaddiema għandhom jerġgħu jiddaħħlu u jkunu kumpensati mill-ewwel bit-telf li sofrew fil-paga.