Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna ser iniedi sensiela ta’ pellegrinaġġi penitenzjali għar-Randan ta’ din is-sena, billi ser imexxi il-pellegrinaġġ annwali ta’ Hadd in-Nies, f’Ħaż-Żabbar, nhar il-Ħadd 26 ta’ Frar 2023, fl-4.15pm. Il-pellegrinaġġ ser ikun akkumpanjat bil-vara devota tal-Madonna tal-Grazzja.
Snin ilu, l-aspett ta’ ringrazzjament u penitenza kien qanqal lil missirijietna biex iżuru u jassistu għad-diversi pellegrinaġġi li kienu jsiru lejn is-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar. Din it-tradizzjoni tmur lura mijiet ta’ snin qabel l-istess Ordni ta’ San Ġwann ġie Malta fl-1530 A.D. Meta wara l-wasla tal-Ordni ta’ San Ġwann beda jiġi ċċelebrat ilkarnival, ħafna pellegrini kienu ħaduha drawwa jżuru s-Santwarju l-Erbgħa, Ras ir-Randan bħala tpattija ta’ atti li jkunu saru fi żmien il-Karnival.
Nies minn kull sezzjoni tas-soċjeta’ kienu jiġu s-Santwarju biex jagħmlu / jonoraw il-wegħdi li jkunu għamlu u jitolbu l-barka ta’ Alla. Ftit, ftit, minn Ras ir-Randan dawn il-pellegrinaġġi bdew jiġu organiżżati fl-ewwel ħadd tar-Randan. Fis-seklu sbatax (17), din il-ġurnata spiċċat aktar tixbaħ festi bħall-imnarja u San Girgor, sakemm madwar tmenin (80) sena ilu il-motiv oriġinali ta’ penitenza ġie mġedded blużu ta’karrijiet u karettuni li juru l-istorja u d-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Grazzja.
Riċentement, il-pellegrinaġġ ta’ Ħadd in-Nies reġa’ ħa l-forma oriġinali fejn l-attenzjoni prinċipali tkun li l-pellegrinaġġ isir bħala sinjal ta’ penitenza u ringrazzjament lil Alla permezz ta’ Ommu Marija. Il-pellegrinaġġ tas-26 ta’ Frar ser ikun immexxi minn Mons. Arċisqof user ikun akkumpanjat bil-vara devota tal-Madonna tal-Grazzja flimkien mal-kappillani, ilkleru, reliġjużi, rappreżentanti tas-soċjetajiet ċivili, għaqdiet tal-parroċċa u bosta pellegrini. Minbarra numru kbir ta’ devoti li jakkumpanjkaw il-pellegrinaġġ, karatteristika unika hija l-ammont ta’ reffiegħa li jieħdu sehem f’dan il-pellegrinaġġ.
Din is-sena ser ikun hemm madwar 70 reffieħ. Ezatt wara li il-pellegrinaġġ jidħol lura fis-santwarju, Mons. Arċisqof imexxi konċelebrazzjoni fis-Santwarju bilparteċipazzjoni tal-kor Notre Dame. Inħeġġu lil kulħadd biex jattendi u jħoss il-veru spirtu tar-Randan.
//= $special ?>