Sport Waterpolo

Tibda l-era Cirovic fit-tmexxija tat-tim nazzjonali tal-irġiel

Ippreżentat l-istaff tekniku kollu

Bdiet uffiċjalment l-era ta’ Milan Cirovic bħala l-kowċ tat-tim nazzjonali tal-irġiel tal-waterpolo. Cirovic li għalaq 34 sena proprju lbieraħ, se jkun is-suċċessur ta’ Karl Izzo li beda jokkupa l-kariga ta’ President tal-ASA f’dawn l-aħħar ġimgħat.

Minkejja l-età żagħżugħa tiegħu, Cirovic kellu esperjenza ma’ Galatasaray mal-kowċ Igor Milanovic kif ukoll bħala assistent kowċ ta’ Vladimir Gojkovic fit-tim nazzjonali tal-Montenegro. Kienu proprju d-diskussjonijiet bejn Izzo u Gojkovic li wasslu biex Cirovic jibda din l-esperjenza.

Il-Montenegrin qal li qed jimmira biex jgħin lill-kowċis tal-klabbs kollha għaliex fi kliemu “ma nistgħu nagħmlu xejn mingħajr il-klabbs.” Cirovic iddeċieda li jaċċetta din il-kariga wara li tkellem ma’ diversi plejers barranin li ġew jilagħbu fil-kampjonat tagħna.

Kawża tal-aħħar riżultati miksuba, Cirovic se jkollu l-pressjoni li jkompli s-serje ta’ riżultati pożittivi. Il-Montenegrin qal li jħobb jaħdem taħt pressjoni iżda fl-istess ħin stqarr li mhux se jkollu pressjoni minħabba l-għajnuna min-nies ta’ madwaru.

Il-President tal-ASA li wara 10 snin ħalla l-kariga biex bidel is-siġġu, qal li definittivament se tkun diffiċli li ma jkunx kowċ iżda jemmen li ż-żmien tiegħu għamlu u dejjem ried lil Cirovic bħala s-suċċessur tiegħu.

Ippreżentat l-istaff tekniku kollu

Minbarra Cirovic, ġie ppreżentat l-istaff tekniku kollu tat-timijiet nazzjonali. L-assistent ta’ Cirovic se jkun l-eks captain tat-tim nazzjonali Niki Lanzon filwaqt li Anthony Farrugia se jkun l-assistent ta’ Cirovic fit-tim nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena.

L-eks plejers Jonathan Valletta u Paul Privitera se jkunu l-kowċ u l-assistent kowċ rispettivament tat-tim ta’ taħt il-15-il sena filwaqt li Aurelien Cousin se jmexxi t-timijiet nazzjonali tan-nisa.

Fl-ewwel kummenti tagħhom, Aurelien Cousin jixtieq li jkun hemm aktar kontinwità fil-waterpolo tan-nisa filwaqt li jittamali jiżdiedu t-timijiet parteċipanti.

Jonathan Valletta jaħseb li meta jikkunsidra l-ammont ta’ ħin li jagħmlu fil-pixxina, il-livell hu pjuttost għoli. Hu żied li jixtieq itejjeb il-livell tekniku taż-żgħażagħ, f’dak li grupp mingħajr esperjenza internazzjonali.

Barra minn hekk għall-ewwel darba, Charles Portelli nħatar Team Manager tal-iskwadri nazzjonali tal-irġiel tal-kbar u ta’ taħt id-19-il sena filwaqt li Chris Sladden se jkun it-Team Manager tat-timijiet ta’ taħt is-17 u l-15-il sena. Claudio Azzopardi se jmexxi lit-timijiet tan-nisa filwaqt li se jokkupa l-kariga ta’ Operations Manager tal-ASA.

It-terminu tal-istaff tekniku kollu hu sa tmiem il-mandat ta’ Karl Izzo bħala President, jiġifieri lejn tmiem l-2025. Mistoqsi dwar il-finanzjament ta’ dan l-istaff tekniku, Izzo qal li l-isponsors huma kruċjali u l-Bank of Valletta se jkunu qed jgħinu f’dan l-investiment.

Hu qal li jemmen fi staff tekniku b’saħħtu li sservi ta’ bażi biex ikunu jistgħu jaħdmu għal aktar sponsors u avvenimenti organizzati f’pajjiżna li jgħinu biex jiżdied id-dħul tal-assoċjazzjoni.

L-ASA ħabbret ukoll li Delon Dannhauser ġie kkonfermat bħala kowċ nazzjonali tal-Għawm filwaqt li Michelle Hubner ġiet ikkonfermata bħala kowċ nazzjonali tal-Għawm Artistiku. Dan filwaqt li beda l-proċess biex jinħatar kowċ nazzjonali tal-Għawm fil-Baħar Miftuħ.

Impenji tat-timijiet nazzjonali

Bejn id-9 u t-12 ta’ Marzu, il-kowċ nazzjonali l-ġdid Milan Cirovic se jkollu l-ewwel opportunità uffiċjali fil-Fażi ta’ Kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja tat-Tieni Diviżjoni. Il-Fażi ta’ Kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew se ssir f’Ġunju, bil-possibbiltà li l-Fażi Finali timxi għal Jannar tas-sena d-dieħla.

It-tim nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena se jkun impenjat fil-Fażi ta’ Kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew bejn is-16 u d-19 ta’ Marzu fit-Turkija filwaqt li t-tim nazzjonali u ta’ taħt is-17-il sena tan-nisa se jkunu impenjati f’Ġunju u f’Lulju taħt it-tmexxija ta’ Aurelien Cousin.

Kampjonat tax-Xitwa

Ftit jiem biss wara t-tmiem tal-Enemed Cup, għada jibda l-Kampjonat tax-Xitwa b’rekord ta’ 12-il tim parteċipant. Dan il-kampjonat li mistenni jintemm lejn l-aħħar ta’ April, se jservi wkoll ta’ preparazzjoni għall-impenji tat-tim nazzjonali. F’din l-edizzjoni se jkunu introdotti uħud mir-regoli l-ġodda tal-waterpolo.

Proġetti oħra

Karl Izzo ħabbar ukoll li se jibdew l-akkademji għall-kategorija ta’ taħt it-13 u l-11-il sena biex jibdew ikunu preparati għat-timijiet nazzjonali ta’ taħt il-15-il sena.

Dan minbarra li għal sena oħra reġa’ ġie ffirmat ftehim mal-Federazzjoni Taljana ta’ skambju ta’ referees. Fuq l-istess tema, l-ASA għandha fil-ħsieb li tipprova tħajjar aktar referees filwaqt li f’Ottubru se jkunu f’pajjiżna l-aqwa referees fid-dinja għal kors organizzat mill-World Aquatics.