Futbol Sport

Man Utd isalvaw punt wara bidu negattiv

Manchester United irnexxielhom isalvaw punt fi draw ta’ 2-2 f’ darhom kontra Leeds.

Bidu mill-aqwa għal-Leeds li jinsabu mingħajr kowċ hekk kif wara 55 sekonda kien l-attakkant Taljan Degnand Gnoto li għeleb lil De Gea. Leeds irdoppjaw kmieni fit-tieni taqsima permezz ta’ awto-gowl ta’ Raphael Varane.

Ir-rimonta ta’ Manchester United bdiet fit-62 minuta meta kien l-aktar plejer fil-forma fl-Ingilterra bħalissa Marcus Rashford li naqqas l-iskor. Tmien minuti wara it-tim ta’ ten Hag għamel l-iskor indaqs permezz tas-sostitut Jadon Sancho. Minkejja l-pressjoni ta’ Man Utd lejn l-aħħar ħinijiet, Leeds għarfu jiddefendu l-iskor sat-tmiem.

Mill-FA Cup kellna partita waħda hekk kif fir-replay tar-raba’ round, kien Fulham li avvanzaw wara li għelbu lil Sunderland bl-iskor ta’ 3-2. Għal Fulham skorjaw Harry Wilson, Andreas Pereira u Layvin Kurzawa filwaqt li għal Sunderland skorjaw Jack Clarke u Jawison Bennette.