Lokali

Missio Malta tibgħat l-ewwel grupp ta’ voluntiera Maltin fi tliet snin

Missio Malta għadha kif bagħtet l-ewwel grupp ta’ voluntiera Maltin wara tlitt snin ta’ interruzzjoni minħabba l-pandemija, sabiex iwettqu ħidma missjunarja.

Filfatt grupp ta’ 12-il persuna, telqu minn Malta il-ġimgħa li għaddiet, u bħalissa jinsabu fil-Filippini fejn qed iwettqu xogħol b’risq proġett ta’ Eko-agrikoltura kif ukoll it-tiswija ta’ Mission Station li ġġarfet kawża tal-eruzzjoni ta’ vulkan fl-2021.

“Huwa ta’ sodisfazzjon għalina li erġajna qbadna r-ritmu tal-ħidma tagħna wara tlitt snin ta’ interruzzjoni minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Għal Missio Malta, is-saħħa u s-sigurtà tal-voluntiera tagħna huma prijorità assoluta, u għalhekk nagħmlu minn kollox sabiex innaqsu kull riskju possibbli,” qal il-Kap tal-Komunikazzjoni u Ġbir ta’ Fondi ta’ Missio Malta, Robert Farrugia.

Il-grupp, li huwa mmexxi minn Fr Victor Agius ser idum fil-Filippini madwar għoxrin ġurnata, madanakollu il-preparamenti għal dan il-vjaġġ ilhom għaddejjin diversi xhur. Il-grupp tal-voluntiera organizzaw bosta attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi sabiex ikunu jistgħu isiru l-proġetti.

Il-proġetti fil-Filippini huma kkordinati minn Fr. Andrew Camilleri.

Kull għajnuna u donazzjonijiet lejn dawn il-proġetti huma ferm apprezzati. Donazzjonijiet jistgħu isiru permezz ta’ https://missio.org.mt/donate/projects/agriculture/ecofarm-philippines/