Lokali Qorti

Mixlija li aggredew anzjana u serqulha ‘hearing aid’ u ‘credit cards’

Żewġ Indjani nżammu taħt arrest mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech wara li ġew mixlija li fil-Qawra aggredew anzjana li kienet miexja għall-affari tagħha fit-2 ta’ Jannar li għadda fil-12.15am. Huma ġew mixlija li wara li aggredew lil anzjana ta’ 72 sena fi Triq l-Imsell ħadulha l-baskett u serquha.

Depty Naval ta’ 38 sena u Davinder Singh ta’ 32 sena ġew mixlija b’serq meta ħadu l-handbag li kien fih affarijiet personali fosthom ‘hearing aid’ li tiswa €9,000 u €10,000 u xi ‘credit cards’. Il-Prosekuzzjoni qalet li wara stħarriġ li għamlet u permezz ta’ filmati minn cameras tas-CCTV’s, ġie kkonfermat li -credit cards intużaw fi stabbiliment ġewwa San Ġiljan.

Naval qal li jaħdem mal-kumpanija Bolt filwaqt li Singh qal li huwa kien jaħdem bħala Security ma’ kumpanija tal- kostruzzjoni u li joqgħodu l-Gżira. L-Ispettur Lydon Zammit li flimkien ma’ l-Ispettur Stephen Gulia ressaq lil-Indjani ġibed l-attenzjoni tal-Qorti li bħalissa l-akkużati jinsabu ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fuq każ ieħor u li kienu ‘homeless’ fejn il-Pulizija kienet sabithom f’lukanda abbandunata ġewwa San Pawl il-Baħar.

Hawn il-Qorti wissiet lill-akkużati biex jgħidu l-verità għaliex jekk le kienet se tordna li jittieħdu passi kontrihom, anke jekk ma kienux qed jgħdu l-verita dwar l-impieg tagħhom. Hawn l-Avukat Mario Mifsud ikkonferma li bħalissa huma jinsabu l-ħabs u li iva għamlu xi żmien impjegati meta ma kienux arrestati. Ma saritx talba għall-pleġġ fil-konfront tal-akkużati li reġgħu ttieħdu lejn il-Faċilità Korretiiva ta’ Kordin.