Lokali Qorti

Probation għal missier ta’ 22 sena bil-vizzju tad-droga fuq vjolenza psikoloġika fil-konfront ta’ ommu

Żagħżugħ u li huwa wkoll missier ta’ 22 sena minn San Ġiljan tpoġġa taħt ordni ta’ probation u trattament għal tliet snin mill-Maġistrat Nadine Lia wara li sabitu ħati li uża vjolenza psikoloġika u morali kontra ommu, li beżżagħha li se tintuża vjolenza kontriha u li kiser ordni tal-Qorti. Huwa kien jagġmel dak billi kien jirrikatta lil ommu bit-theddid li jekk ma tieħdux biex jixtri d-droga kien se jmur għand in-nanniet u jwerwirhom.

Iż-żagħżugħ li għandu problema kbira ta’ droga u li kien ilu bil-vizzju minn mindu kellu 13-il sena kien mixli bi vjolenza domestika fuq ommu u kkawża biża’ lil ommu u lil oħtu, li hija taħt l-età, li se tintuża vjolenza kontrihom. L-akkużi fil-konfront ta’ oħtu waqgħu għax hi għażlet li ma tixhidx kontra ħuha.

Kien f’Ottubru, li għadda li sar rapport lill-Pulizija minn omm u oħt l-akkużat. L-omm qalet li binha jieħu droga sintetika u jkollha tieħdu jixtriha mill-Marsa kull tliet sigħat u jekk topponi, binha jsir aggressiv u jibda jkisser u jagħmel il-ħsara fid-dar. 

Ħareġ mill-provi tal-ommmli l-aġir tiegħu kien ikun tali li anke matul il-lejl kien jheddida li jekk ma ttihx flus se jmur dritt għand in-nanniet. Oħt l-akkużat fir-rapport lill-Pulizija qalet li ta’ spiss ikollhom jissakkru fil-kamra tas-sodda għax jibżgħu minnu.

Sadaniitant waqt li kienet qed tagħmel ir-rapport fl-għassa, it-tifel kien ċempel lil ommu u għamlitu fuq speaker, bil-Pulizija tisma’ l-għajjat u t-theddid, fejn dan beda jheddidha “int ġejja ħa twassalni ħa mmur nixtri? Jekk le ħa nkompli nkisser kulm’hawn.” Il-Pulizija wara arrestat liż-żagħżugħ.

Matul l-interoggazzjoni għażel li jibqa’ sieket kif huwa permess mill-liġi iżda wera x-xewqa li jinħall mill-vizzju tad-droga. L-omm, minkejja kollox qalet li l-għan u x-xeqa tagħha hu li tgħin lil binha għax il-problema tad-droga ħarbet minn idejhom. Tant kien qed isir aggressiv tant li anke spiċċa biex kisser is-sodda fejn jorqod. Is-sitwazzjoni kienet spiċċat gravio tant li binha kien anke iqajjimha wkoll billejl biex tieħdu l-Marsa biex jixtri d-droga. 

Ommu qalet iżda li binha qatt sawwatha u kienet titħassru għax bl-effett tad-droga kien jiġi ħażin ħafna. L-omm qalet li iktar milli mbeżża’ minn binha iktar kienet imdejqa bis-sitwazzjoni u riedet tgħinu akkosta ta’ kollox. Hi ħafritlu u xtaqitu jirritorna d-dar anke minħabba li waqt li kien arrestat imġibtu qalbet għall-aħjar.

Fil-Qorti oħtu qalet li ma tixtieqx tixhed kontra ħuha. Dwar is-siwazzjoni preżenti Uffiċjal tal-Probation xehdet li kien għadu kmieni wisq biex wieħed jgħid xi progress għamel u qalet li ż-żagħżugħ donnu li ma jridx jindirizza l-problema. Saħqet li kien ilu bil-problema tad-droga sa minn meta kellu 13-il sena u qatt ma għamel attentat serju biex jindirizzaha. Ix-xhud qalet li sa issa kollox jindika li mhux dispost li jidħol għall-programm residenzjali anke jekk kien attenda xi sessjonijiet fil-Caritas.

Il-Qorti, ikkunsidrat li x-xhieda prinċipali, omm u oħt l-imputat, fejn dawn għażlu li jwaqqfu l-proċeduri u li xtaqu jaħfrulu u jaċċettawh lura fid-dar bit-tama li jagħmel il-programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga. Minħabba l-fatt li oħtu ma riditx li tixhed, il-Prosekuzzjoni ma kellhiex provi suffiċjenti u kien għalhekk l-akkużi fil-konfront t’oħtu waqgħu.

Il-Qorti sabitu ħati li uża vjolenza psikoloġika u morali kontra ommu , li beżżagħha li kienet se tintuża vjolenza kontriha u li kiser ordni tal-Qorti. Il-Maġistrat Lia qalet fis-sentenza tagħha li piena ta’ ħabs mhux se tħalli l-frott mixieq u għalhekk poġġietu taħt ordni ta’ probation u trattament għal tliet snin.

Huwa ġie mmultat ta’ €11,000 u tpoġġa taħt ordni ta’ trażżin favur ommu anke fid-dawl li se jerġa’ jmur jgħix għandha. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Omar Zammit.