Internazzjonali

Renju Unit-Ukrajna: Zelensky jindirizza lill-Parlament f’Londra…Jgħid li hu ‘konvint mir-rebħa fuq ir-Russja’

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, fl-aħħar sigħat indirizza sessjoni konġunta tal-Parlament Britanniku waqt żjara sorpriża u ferm sinifikanti f’Londra  — u fejn insista li pajjiżu se joħroġ trijonfanti mill-gwerra mar-Russja.

Wara li ntlaqa’ f’Londra mill-Prim Ministru Britanniku Rishi Sunak, Zelensky, waqt id-diskors lill-House of Commons, sostna li ‘il-libertà se tkun l-akbar rebbieħa ladarba jintemm il-konflitt f’pajjiżu’. Hu kompla li r-Renju Unit – alleat kbir ta’ Kiev —  se jkollu mertu kbir fl-aktar rebħa importanti kontra l-qawwiet li jridu jeqirdu d-demokrazija li hi l-pilastru ewlenija tal-ħajja fil-Punent.

Zelensky rringrazzja lil Rishi Sunak talli provda t-tankijiet tal-gwerra lill-qawwiet Ukreni u kellu wkoll tifħir speċjali għall-eks Prim Ministru Britanniku Boris Johnson li kien l-ewwel mexxej ta’ pajjiż li impenja ruħu 100-fil-100 favur id-difiża tal-Ukreni malli daħlu l-ewwel truppi Russi fl-Ukrajna.

Il-mijiet tad-deputati u peers tal-House of Lords applawdew bil-kbir lil Zelensky waqt l-ewwel żjara tiegħu fir-Renju Unit mill-invażjoni ta’ pajjiżu mill-qawwiet ta’ Vladimir Putin. Intant, Rishi Sunak qal li jrid jara lill-Ukrajna tattwa rebħa militari deċiżiva fuq ir-Russja qabel l-aħħar tas-sena – bir-Renju Unit se jħarreġ lill-morini u piloti tal-fighter-jets Ukreni bħala parti mill-appoġġ għad-difiża tal-Ukrajna.

Fl-istess ħin, Zelensky, waqt id-diskors, appella lid-deputati biex ir-Renju Unit jibgħat l-ajruplani tal-gwerra lill-Ukrajna bħala parti mill-‘gwerra għal-libertà waqt li faħħar is-sanzjonijiet tar-Renju Unit fil-konfront tar-Russja.

Intant, hu saħaq biex is-sanzjonijiet  ikomplu sakemm il-Kremlin ma’ jkunx jista’ jiffinanzja aktar il-gwerra fl-Ukrajna.  Zelensky tkellem ukoll s dwar l-importanza li tibqa’ rispettata ‘l-ordni dinjija bażata fuq il-liġijiet, id-drittijiet umani u l-ġustizzja waqt li – b’referenza gaħl Vladimir Putin – insista li ‘kulmin jinvesti fit-terrur għandu jinżamm kontabbli mill-komunità internazzjonali’.

Il-President Zelensky anki se jiltaqa’ mar-Re Charles tal-Ingilterra bil-ħsieb li jwassallu messaġġ ta’ ringrazzjament għall-appoġġ kollu li l-Britanniċi qegħdin jagħtu lill-Ukreni.