Lokali

Roderick Galdes jaħrab minflok ma jwieġeb għad-domandi li sarulu – PN

F’għeluq id-diskors tat-Tieni Qari, fl-Abbozz ta’ Liġi biex ikunu aġġornati l-funzjonijiet tal-Awtorità tad-Djar, il-Ministru Roderick Galdes naqas milli jwieġeb għal numru ta’ domandi li d-Deputati tal-Partit Nazzjonalista għamlulu waqt id-diskorsi tagħhom.

Minflok, bħas-soltu, il-Ministru għażel il-linja partiġġjana tal-attakk, filwaqt li poġġa kliem li ma ntqalx. Il-verità hi li l-Partit Nazzjonalista jrid li ħadd ma jibqa’ lura u li l-ġid komuni jitqassam fost kulħadd minflok fil-bwiet tal-qalba.

Dan ħareġ fi stqarrija tal-Partit Nazzjonalista mill-Kelliem għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabli u għall-Ġlieda kontra l-Faqar Ivan Bartolo kif ukoll il-Kelliem għal Livell ta’ Għajxien Aħjar b’Impenn Kontra l-Għoli tal-Ħajja Albert Buttigieg.

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li Roderick Galdes iwieġeb għall-mistoqsijiet li sarulu, fosthom:

  • X’se jagħmel quddiem l-abbuż li qed jiffaċċjaw eluf ta’ inkwilini li għal kirja ta’ appartament, biex almenu ikollhom saqaf fuq rashom, qed ikollhom iħallsu aktar minn paga medja ta’ xahar?
  • X’se jagħmel biex jgħin lil dawk li qed jiffaċċjaw problemi kbar fil-lifts fil-blokok fejn jgħixu, bil-konsegwenza li dawn qed jitħallew maqfulin f’darhom, l-aktar dawk vulnerabbli?
  • Għaliex ma jrid jgħix xejn lil dawk li f’Marzu li għadda nsterqilhom il-vot tagħhom billi ntalbu jiffirmaw kuntratt għal unit tal-housing u sa kważi sena wara għadhom ma daħlux joqgħodu fih?
  • X’se jgħid lil dawk l-1,450 persuna li għadhom qed jistennew unit tal-housing, minkejja li qabel l-elezzjoni l-Labour qal li se jkun hemm aktar postijiet allokati milli lista ta’ stennija?
  • X’se jgħid lil dawk il-590 persuna li l-applikazzjoni tagħhom ma kinitx ipproċessata matul is-sena li għaddiet għax qalulhom li kienu naqsu milli jissottomettu d-dokumenti meħtieġa?
  • Xi skema qed iħejji għal dawk li għadhom qed jistennew li ssir ġustizzja magħhom fl-iskema tal-Home Ownership?- X’se jiġri dawk il-150 residenza li għadhom milqutin b’ordni ta’ rekwiżizzjoni?
  • X’se jagħmlu dawk l-487 familja li joqgħodu f’akkomodazzjoni soċjali tal-Gvern u jixtiequ jbiddlu l-propjetà li bħalissa jinsabu fiha minħabba xi raġuni jew oħra?

Roderick Galdes ma wieġeb għall-ebda minn dawn id-domandi għax fil-fond ta’ qalbu, jaf li fis-settur tal-Housing Soċjali, il-Gvern ta’ Robert Abela falla minħabba l-politika li ħoloq hu stess li jkabbar l-ekonomija b’żieda qawwija fil-popolazzjoni.

Il-politika taċ-cheap labour qed twassal ukoll biex minflok postijiet qed jinkrew is-sodod biss. Dan in-nuqqas ta’ kontroll qed iwassal għal aktar tensjoni fost ħafna familji Maltin u Għawdxin.

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib tiegħu li, minflok ma jwieġeb għall-mistoqsijiet li sarulu f’isem il-poplu kollu, Roderick Galdes qed jagħżel li jgħatti l-problemi billi jaħrab milli jwieġeb u jipprova joskura lil min qed jieħu l-Housing Soċjali b’serjetà.