Internazzjonali Mużika

SANREMO: Għamel ħerba fuq il-palk wara li kellu problema teknika

Il-kantant Taljan Blanco li għandu 19-il sena,  spiċċa biex għamel ħerba sħiħa fuq il-palk tat-Teatru Ariston, waqt l-ewwel serata ta’ Sanremo. Dan meta esperjenża problemi tekniċi, waqt li kien qiegħed ikanta l-kanzunetta l-ġdida tiegħu, ‘L’Isola Delle Rose’.

Blanco rebaħ l-edizzjoni ta’ Sanremo tas-sena li għaddiet bil-kanżunetta “Brividi” – kantata flimkien ma’ Mahmood.

Din is-sena Blanco kien mistieden fl-ewwel serata ta’ Sanremo – li hu meqjus l-akbar festival mużikali tal-pajjiż – sabiex jagħti spettaklu.

Iżda waqt li kien qiegħed ikanta l-kanzunetta l-ġdida tiegħu, beda jesperjenza problemi bis-sound.

Fil-filmat, Blanco jidher li wara li ta indikizzajoni aktar minn darba lid-direttur tal-festival li kellu problemi bis-sound, spiċċa jiżvoga fil-fjuri li tqiegħdu fl-art sabiex iżejjnu l-palk mat-tema tal-kanżunetta. Filfatt, fid-daghdigha tal-mument … Blanco jidher jixxuttja l-fjuri u jkisser il-arranġamenti li sab quddiemu dak il-ħin.

Minnħabba l-frakass li ħoloq Blanco … il-kantant Gianni Morandi … li flimkien ma’ Chiara Ferragni u Amadeus qed jippreżentaw Sanremo ta’ din is-sena, spiċċa jnaddaf il-ħerba li ħalla warajh dan il-kantant.

Minn naħa tiegħu, meta kien mistoqsi għalfejn irreaġixxa b’dak il-mod, Blanco wieġeb li minkejja li esperjenża problemi tekniċi, huwa ried “jieħu gost” xorta waħda. Tant li wara, ħafna kummentaturi talbu biex hu jiġi sospiż għall-edizzjonijiet futuri ta’ dan il-festival.

Lil hinn minn dan il-mument, Sanremo reġa’ offra festa mill-isbaħ ta’ mużika ta’ kull tip. Apparti li spikkaw il-monoligi li wasslu kemm Chiara Ferragni kif ukoll il-komiku celebri Roberto Benigni.