Lokali Qorti

Tliet snin ħabs fuq serq minn diversi vetturi kif ukoll minn residenza

Marzoq Abdelaziz, Libjan ta’ 35 sena u li f’Malta m’għandux indirzz fiss u li nhar is-Sibt li għadda ammetta sensiela ta’ akkużi ta’ serq minn vetturi u residenza ġie kundannat tliet snin ħabs mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras. Fil-Qorti huwa qal li ma jaħdimx u talab li jingħata l-għajnuna biex jegħleb il-vizzju tad-droga.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Jonathan Ransley, Mark Cremona u Elisia Sciclina qalet li l-akkużat ikkopera mal-pulizija. Il-Qorti iddefiriet il-kawża għas-sentenza f’nofs il-ġimgħa d-dieħla. Il-Libjan ammetta li fl-1 ta’ Awwissu li għadda matul il-lejl seraq flus minn vettura li kienet ipparkjata fi Triq id-Duluri, l-Ħamrun.

Ammetta wkoll li fit-30 ta’ Diċembru li għadda minn residenza fil-Marsa seraq diversi oġġetti fosthom flixkun xorb u li fit-2 ta’ Jannar, ukoll matul il-lejla seraq oġġetti minn vettura oħra ġewwa l-Ħamrun kif ukoll li fil-21 ta’ Jannar fit-3am. ipprova jisraq minn ħanut tal-merċa li jinsab tas-Sliema. Fuq ammissjoni tiegħu stess huwa nstab ħati u filwaqt li ġie kkundannat tliet snin ħabs, il-Qorti rrakkomandat lid-Direttur tal-ħabs biex jagħtih l-għajnuna biex jirrabilità ruħu mid-droga.