Internazzjonali

TURKIJA: Salvata wara 33 siegħa taħt it-tifrik

Qed jitqies bħala miraklu s-salvataġġ ta’ omm u ż-żewġ uliedha li ġew salvati wara li kienu ilhom maqbuda xejn anqas minn 33 siegħa taħt it-tifrik tat-terremot.

Il-każ seħħ fil-villaġġ ta’ Hatay, b’rapporti jindikaw li waħda mit-tfal waqfitilha qalbha meta kienet fi triqitha lejn l-isptar. Iżda fortunatament, wara li tawha ix-xokkijiet, qalbha reġgħet bdiet tħabbat.

Din mhix l-unika storja li qed tagħti kuraġġ lill-forzi ta’ salvataġġ. Dan wara li lbieraħ ġie rappurtat kif fuq in-naħa tas-Sirja tarbija ġiet salvata b’mod ukoll mirakoluż minn qalb it-tiġrif ta’ binja residenzjali.

Skont ġurnalisti fiz-zona, l-omm mietet eżatt malli welldet, tant li t-tarbija kienet għadha bil-kurdun.

Skont id-WHO, it-total ta’ vittmi ta’ dan it-terremot jaf iqarreb l-20,000 persuna.