Internazzjonali

BIL-FILMAT: Jinfaqa’ jibki bil-ferħ wara li salvaw tifla mit-tifrik f’operazzjoni ta’ 10 sigħat

Membru tal-Protezzjoni Ċivili tal-Ungerija deher emozzjonat hekk kif wara 10 sigħat ta’ ħidma, it-tim irnexxilu jsalva tifla ta’ 15-il sena li nqabdet taħt it-tifrik wara t-terremot li laqgħat lit-Turkija u s-Sirja.

Intervistat mill-midja, l-Ungeriż spjega kif kienu ilhom is-sigħat jaħdmu bla waqfien hekk kif kienu jafu li t-tifla kienet tinsab ħajja taħt it-tifrik. Huwa qal li kien qed ikun hemm talba biex it-tim jitlaq mill-post minħabba li l-għajnuna tagħhom kienet tkun iktar utli postijiet oħra.

Madanakollu, il-membri tal-Protezzjoni Ċivili Ungeriż għażlu li ma jaqtgħux qalbhom u jsalvaw ħajjet it-tifla.

Huwa lanqas biss felaħ ilesti l-intervista wara li spiċċa emozzjonat, jibki bil-ferħ li fl-aħħar mill-aħħar irnexxilhom joħorġuha qawwija u sħiħa.