Lokali

Il-ftehim tal-Fond Soċjali għall-Klima ta’ Casa jirbaħ appoġġ qawwi fuq livell ta’ kumitat

Il-ftehim proviżorju tal-MEP David Casa dwar il-Fond Soċjali għall-Klima ġie approvat f’livell ta’ kumitat. Dan ifisser li qabes ostaklu ieħor ewlieni qabel l-approvazzjoni finali mis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew li se ssir fir-rebbiegħa li jmiss.

“Il-vot tal-lum jikkonferma r-riżultat tal-ħidma ta’ xhur ta’ negozjati diffiċli,” spjega Casa. “Hija aħbar pożittiva ħafna li tressaqna b’mod deċiżiv eqreb lejn l-investimenti, iffinanzjati mill-Fond Soċjali għall-Klima.”

Casa kien in-negozjatur ewlieni għall-Fond Soċjali għall-Klima f’isem il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament Ewropew. Il-ftehim proviżorju ġie vvutat permezz tal-kumitat konġunt tal-Ambjent u tal-Politika Soċjali u ser iwitti t-triq għall-approvazzjoni finali fil-plenarja wara appoġġ mill-istati membri.

Il-ftehim ikabbar id-daqs tal-Fond Soċjali għall-Klima, inkluż l-allokazzjoni ferm aħjar għal Malta u salvagwardji mtejba fuq l-użu tal-fondi.

Fajls leġiżlattivi oħra nnegozjati bħala parti mill-pakkett ‘Fit for 55’ ġew adottati wkoll aktar kmieni llum. Casa rringrazzja lill-kollega tiegħu fil-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sigurtà fl-Ikel, l-MEP Esther de Lange, għall-kooperazzjoni eċċellenti tagħha.

“Il-Fond Soċjali għall-Klima jipprovdi xibka ta’ sigurtà soċjali tal-UE fit-tranżizzjoni klimatika,” spjega Casa. “Se jiffinanzja miżuri mmirati, li se jkollhom impatti pożittivi fit-tul fuq il-ħajja taċ-ċittadini mhux biss f’Malta, iżda madwar l-Ewropa kollha.”