Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq: Parata bl-ICBMs tqanqal it-tħassib tal-esperti militari

Il-Korea ta’ Fuq komunista fl-aħħar sigħat organizzat waħda mill-akbar parati militari għal snin u li fiha – minbarra l-eluf tas-suldati — spikkat l-akbar wirja ta’ missili ballistiċi interkontinentali fl-istorja tal-pajjiż. Dan waqt li l-esperti qed jgħidu li l-ammonti tal-missili f’idejn il-komunisti, ‘il quddiem, kapaċi jservu ta’ sfida kbira għall-qawwa tas-sistema tad-difiża tal-Istati Uniti, li r-reġim fi Pyongyang iqisha bħala ‘l-Għadu Numru Wieħed’.

Il-missili interkontinentali – jew ICBMs – iwasslu fuq distanzi twal ħafna u waqt il-parata, li saret fil-pjazza ta’ Pyongyang għall-ħin ta’ nofs-il lejl — inġibdu diversi filmati tal-Mexxej Korean komunista, Kim Jong-un, li kien qed japplawdi l-ispettaklu fil-kumpannija ta’ bintu ċkejkna, Kim Ju-ae. Dan ukoll meta żdiedet l-ispekulazzjoni li Kim Ju-ae diġà qed titrawwem bħala s-suċċessur ta’ missierha fit-tmexxija tal-pajjiż.

Fl-aħħar sigħat, aktar analisti esprimew it-tħassib dwar l-ammont allarmanti tal-ICBMs tal-Korea ta’ Fuq u li, skont it-teorija, għandhom il-kapaċità biex jolqtu anki l-ibliet fiċ-ċentru tal-Istati Uniti. It-tħassib hu li dawn il-missili kapaċi anki jegħlbu lid-difiżi tal-Istati Uniti għal kontra l-attakki nukleari jekk kemm-il darba l-ICBMs ikunu mgħammrin b’diversi warheads.

L-istampa tal-Korea ta’ Fuq sadanittant qalet li dawn il-missili ewlenin huma dimostrazzjoni oħra tal-kapaċitajiet tal-pajjiż għal detererrent kontra l-aggressjoni minn barra u meta l-missili jistgħu anki jintużaw bħala forma ta’ kontra-attakk kontra l-pajjiżi ostili.