Fuq stedina tal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, illum Volodomyr Zelensky mistenni jindirizza sessjoni tal-Parlament Ewropew li tibda fl-10am. Din is-sessjoni se tixxandar LIVE fuq Net Television.
Skont rapporti fil-media internazzjonali, Zelensky ġie mistieden minn Metsola jindirizza lill-MEPs hekk kif il-Parlament Ewropew qed iġedded l-appoġġ tiegħu lill-Ukrajna li qed tiddefendi ruħha mill-invażjoni Russa; gwerra li issa ilha għaddejja kważi sena.
Il-President Ukren diġa’ indirizza lid-deputati Ewropej is-sena li għaddiet eżatt malli faqqgħet il-gwerra. Iżda din se tkun l-ewwel darba li se jkun preżenti fl-assemblea b’mod fiżiku, għaliex id-diskors ta’ Marzu 2022 kien permezz ta’ video-link.
Ilbieraħ, Zelensky indirizza sessjoni konġunta tal-Parlament Britanniku waqt żjara sorpriża u ferm sinifikanti f’Londra fejn insista li pajjiżu se joħroġ rebbieħ minn din il-gwerra.
Wara li ntlaqa’ f’Londra mill-Prim Ministru Britanniku Rishi Sunak, Zelensky kellu wkoll laqgħa mar-Re Karlu.
Il-President Ukren irringrazzja lir-Renju Unit talli provda t-tankijiet tal-gwerra lill-qawwiet Ukreni u kellu wkoll tifħir speċjali għall-eks Prim Ministru Britanniku Boris Johnson li kien l-ewwel mexxej ta’ pajjiż li impenja ruħu favur id-difiża tal-Ukreni malli daħlu l-ewwel truppi Russi fl-Ukrajna.
//= $special ?>