Internazzjonali

Is-Sirja: Tasal l-ewwel għajnuna lill-eluf tal-imġarrbin mit-terremoti

L-ewwel konvoj tal-għajnuna fl-aħħar sigħat qasam mit-Turkija lejn iz-zoni lejn il-majjistral tas-Sirja li huma kontrollati mir-ribelli li qegħdin jiġġieldu kontra r-reġim tal-President Sirjan Bashar al Assad.

Dawn l-inħawi kienu fost l-aktar li ġarrbu l-qilla tat-terremoti kbar li nhar it-Tnejn laqtu lil dan il-pajjiż u t-Turkija u l-uffiċjali qalu li talanqas sitt trakkijiet mgħobbijin bil-provvisti rnexxielhom jaqsmu mill-aċċess ta’ Bab al-Hawa, f’Idlib.

Hu ittamat li jaqsmu wkoll aktar trakkijiet tal-għajnuna matul il-jiem li ġejjin

Filwaqt li s-sitwazzjoni fiz-zoni Sirjani milqutin mit-terremoti mhix ċara għal kollox hu fatt li t-trasport tal-għajnuna lejn ir-reġjun dam ‘paralizzat’ għal erbat ijiem minħabba l-qerda tat-toroq dovuta għat-theżżiż tal-art qawwi. Issemmew ukoll  problemi kbar ta’ loġistika li tellfu bil-kbir din il-missjoni ta’ fejda.

L-iskwadri tas-salvataġġ fis-Sirja, sadanittant, qalu li fil-pajjiż mietu talanqas 2,000 mill-impatt tat-terremoti u meta mijiet ta’ familji spiċċaw taħt ir-radam tar-residenzi tagħhom.

Sa minn qabel id-diżastru tat-terremot, mal-4.1 residenti fis-Sirja – fil-parti kbira nett nisa u tfal – kienu diġà qed jiddependu mija-fil-mija fuq l-għajnuna umanitarja minn barra għall-eżistenza tagħhom.

Fl-aħħar sigħat, il-kelliema għan-Nazzjonijiet Uniti qalu li l-aċċess ta’ Bab al-Hawa kapaċi jfisser ‘id-differenza bejn ħajja u mewt’ għall-miljuni tan-nies fi ħtieġa urġenti tal-għajnuna u meta s-sitwazzjoni kienet diġà ddisprata qabel it-terremot li anki qered il-mijiet tal-bini fis-Sirja.