Lokali Qorti

Iż-żgħażagħ mixlija b’aggressjoni fil-Belt jammettu l-akkużi u jingħataw il-pleġġ

Żewġ żgħażagħ ta’ 16-il sena li kienu tressqu l-Qorti b’rabta ma’ attakk fil-Belt Valletta s-Sibt filgħaxija tat-22 ta’ Jannar li għadda fejn tifel ta’ 15-il sena kien spiċċa b’siequ miksura minn żewġ bnadi ammettew l-akkużi miġjubin kontrihom quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco u ngħataw il-pleġġ. F’kumment li tat il-Maġistrat waqt is-seduta hi qalet li kienet qed tesprimi l-inkwiet tagħha u qalet; “bħala ġudikant u omm din it-tip ta’ vjolenza qed tinkwetani.”

Id-difiża talbet għal pre-sentencing report fil-konfront tagħhom u talba oħra għall-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti laqgħet iż-żewġ talbiet fejn issa dawn għandhom jiġu segwiti minn uffiċjal tal-probation li jagħmel rapport dwar il-komportament tagħhom u l-Qorti timxi minn hemm.

Dwar il-pleġġ il-Qorti ordnatilhom biex jiffirmaw tliet darbiet fil-ġimgħa fl-Għassa tal-Pulizija, li jkunu d-dar sat-8pm. u ma joħorġux qabel is-6am. li jagħmlu tajjeb permezz ta’ depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €2,000 kull wieħed u li bl-ebda mod ma jkellmu lill-vittmi jew lix-xhieda tal-Prosekuzzjoni.

It-talba għall-ħelsien mill-arrest ma sabitx oġġezzjoni mill-parte civile sakemm il-kundizzjonijiet ikunu jirriflettu r-reati iżda kienet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni. Iż-żewġ subien kien qegħdin jinżammu arrestati fil-faċilità YOURS, li hija istituzzjoni għal dawk li jagħmlu reati u jkunu taħt l-età.

“Irridu nħarsu ‘l quddiem biex insewwu l-ħsara li saret,” qal l-Avukat ta’ wieħed mill-akkużati Franco Debono. L-avukat difensur ta’ l-akkużat l-ieħor, Arthur Azzopardi saħaq li kieku kellha tingħata l-libertà proviżorja, għandha tiġi effettiva wkoll ordni ta’ superviżjoni temporanja sakemm tingħata s-sentenza.

L-avukati tal-vittmi qalu li peress li kien hemm ammissjoni bikrija, ma kienux qd joġġezzjonawx għall-ħelsien mill-arrest sakemm il-Qorti tieħu miżuri adegwati biex tiżgura li l-akkużati ma jersaqx lejn il-vittmi. Dik il-pożizzjoni ttieħdet ukoll mill-avukat Stefano Filletti. Avukat tal-parte civile, Giannella de Marco, bl-istess mod ma oġġezzjonatx iżda appellat għal superviżjoni stretta tal-akkużat kif ukoll ordni ta’ protezzjoni biex l-adoloxxenti ma jersqux lejn il-vittmi u l-familji tagħhom.

Mill-investigazzjonijiet lisaru mill-Puliizja ħareġ li l-vittmi tal-attakk kienu tterrorizzati u li tifel ta’ 15-il sena, spiċċa bi ġrieħi serji f’siequ u li minħabba f’hekk kien se jkun nieqes għal sitt ġimgħat mill-skola u waqt il-perjodu tal-eżamijiet. Il-Prosekuzzjoni kienet irrimmarkat fil-Qorti li kienet irċeviet rapport ta’ ġlieda fil-Belt Valletta, u kienet arrestat liż-żgħażagħ wara li ġew identifikati minn filmati tas-CCTV.

Dan il-każ tant qajjem diskussjoni fil-pajjiż, li saħansitra anke l-Prim Ministru Robert Abela spiċċa jgħid li hu ma jafdax lil bintu weħidha fil-Belt. Għall-akkużi qegħdin jidhru l-avukati Franco Debono, Francesca Zarb, Arthur Azzopardi u Jacob Magri, filwaqt li għall-vittmi qegħdin jidhru l-avukati Gianella de Marco, Charles Mercieca u Stefano Filletti. Vittma ieħor f’dan l-inċident kien qed jiġi rappreżentat minn ommu. L-Ispetturi Kevin Pulis u Daryl Borg mexxew il-Prosekuzzjoni.