Lokali Parlament

Kultura ta’ xejn mhu xejn li kissret pajjiż

Mark Anthony Sammut, PN

Id-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut qal li l-kultura ta’ xejn mhu xejn kissret il-pajjiż.

Fl-Aġġornament tal-parlament id-depuat Nazzjonalista qal li s-soċjetà qed titbiddel, b’effetti pjuttost negattivi, frott id-deċiżjonijiet u l-eżempji ħżiena li imbuttat il-politika, speċjalment fl-aħħar deċenju.

Fl-għaxar snin seħħu episodju wara l-ieħor fejn il-Gvern, il-politiċi, iġġustifikaw il-ħażin bil-mentalità tal- “u ijja mhux xorta”, bil-mentalità li kollox jgħaddi. Mill-iżjed affarijiet żgħar, bħall-Prim Ministru jikri l-karozza personali tiegħu lilu nnifsu, sal-aktar affarijiet kbar fejn ministru jinqabad bil-kumpaniji sigrieti biex idaħħal il-commissions. Kollox ġustifikat għax kollox jitkejjel biss bil-flus.

Hu qal li ministru inqabad b’artefatt storiku f’daru waqt li ieħot tela’ vaganza personali bil-karozza ministerjali. Ministru ieħor iħaddem il-partner tiegħu fuq il-lista tal-impjegati tal-ministru sieħbu, biex ma tidhirx li qed taħdem miegħu stess. Dan filwaqt li uffiċjali mill-ministeru akkużati fuq qtil involontarju ma jiġux sospiżi, kontra r-regoli tas-servizz pubbliku.

Id-Direttur tal-Ħabs ittella’ l-qorti fuq akkużi kriminali, iżda l-ministru jħallih hemm, l-istess kontra r-regoli tas-servizz pubbliku. Frott id-deċiżjoni stupida u l-inkompetenza tiegħu, pajjiż jaqa’ fir-redikolu li l-pajjiż kellu Direttur tal-Ħabs misjub ħati b’sentenza ta’ priġunerija sospiża fuqu, u l-ministru, li wassal għal dan, jibqa’ hemm.

Mark Anthony Sammut fakakr kif il-Prim Ministru kellem maġistrat fuq is-sentenzi, bi ksur sfaċċat tal-kodiċi tal-etika tal-ġudikatura. Din il-kultura li dan il-gvern għadu jmexxi. Il-menalità li qed tixrob minnha s-socjetà, sostna d-deputat Nazzjonalista.

Magħha, b’mod parallel, hemm l-istrateġija li joqtlu l-istituzzjonijiet, iġibuhom bla snien, bla sinsla. Dan billi jaraw li jaħtru fihom nies li jkunu hemm mhux għax kompetenti, għax tajbin, għax kapaċi, imma għax jafu li jaġevolawhom. Li joqgħodulhom.

Għax hekk biss jistgħu jsalvaw ġildhom, hekk biss jistgħu jkomplu jabbużaw, mingħajr ma jiffaċċjaw il-ġustizzja u mingħajr ma jitilfu l-popolarità. Jekk il-poplu jsir bħalhom, jemmen li kollox mhux xorta, u l-istituzzjonijiet ikunu bla sinsla, joqgħodulhom, sostna Mark Anthony Sammut.

Din l-attitudni waslet biex fit-toroq, l-inċidenti li żdiedu bl-addoċċ u kuljum. L-imwiet fit-toroq, il-każi ta’ sewwieqa li jirriżulta li kienu taħt l-effett ta’ sustanzi bħal alkoħol jew droga, sewwieqa li jinstab li kienu mingħajr liċenzja tas-sewqan jew assikurazzjoni, saru ta’ kull ġimgħa.

Hu semma’ l-problema tad-droga u qal l-pajjiż mifqugħ droga. Fl-2015 Malta diġà kienet s-sebgħa pajjiż fid-dinja għall-użu ta kokaina per kapita. Sa sebgħa snin wara, fl-2022, in-nies ifittxu trattament minħabba l-kokaina irdoppja.

Hu qal li l-Gvern ma tantx għandu għalxiex jiftaħar. Ftit aktar minn sena ilu l-gvern mexxa kampanja biex jagħmel il-ħaxixa legali, għall-użu rikreazzjonali qal. Hu vera, li mhux kulmin jikkonsma l-ħaxixa, jispiċċa fuq il-kokaina. Imma l-Gvern żbalja meta għamilha legali, qabel ma ħoloq l-awtorità li suppost tirregola minn fejn tista’ tinxtara. Jiġifieri jist’a jkollok b’mod legali, imma trid tixtriha biss b’mod illegali mingħand it-traffikanti. Dak li għamiltu, dak li ġibtu b’idejkom, basta ġrejtu biex tkunu l-ewwel fl-Ewropa, sostna d-deputat Nazzjonalista.

Hu kompla li fil-ħabs, qed isseħħ mewt wara l-oħra. Kien hawn il-ministru li jiftaħar li nqatgħet id-droga mill-ħabs u minflok iddaħħlet il-mewt. Żgħażagħ jidħlu fil-ħabs biex jirranġaw ħajjithom u minflok jispiċċaw jitilfuha. Kim, Colin u oħrajn; 13-il persuna fi tliet snin daħlet hemm biex tirranġa ħajjitha u ħarġet minn hemm tilfitha. Lil min ġabna f’dik is-sitwazzjoni, l-gvern tah promozzjoni b’paga d-doppju tal-ministru.

Mark Anthony Sammut tkellem dwar il-kostruzzjoni u qal li anki hawn l-pajjiż għandu vittma wara l-oħra. Miriam Pace, Jean Paul Sofia u tant oħrajn. Isiru r-rapporti li u jibqghu fuq l-ixkaffa u ma jsir xejn. Il-gevrn qed jirrifjuta wkoll li ssir inkjesta pubblika.

Mark Anthony Sammut qal li l-immigranti li jfittux l-għajnuna f’nofs ta’ baħar, huma wkoll vittmi. Tifla ta’ erba snin tħalliet tibki bil-għatx. Tħalliet hemm tmut bil-għatx. “Ġejja l-Ġimgha l-Kbira dalwaqt. Tarahom issa jippużaw quddiem il-vari. Nitħassru lil min 2,000 sena ilu għajjat ‘għandi l-għatx’ u tawh biss il-ħall. U min jgħajjat ‘għandi l-għatx’ fi żmienna, lanqas ħall ma sab, sab biss gvern bla ruħ. Gvern bla qalb. Imma x’jimpurtakom. Mhux xorta. Mhux bintkom dik. M’għandhiex vot dik. Ma tiġix iċċapcap fil-meeting dik”, sostna d-deputat Nazzjonalista.

Hu kompla li dik hi s-soċjetà li qed jimbuttaw l-gvern, bil-policies u bl-eżempju tiegħu. Din soċjetà fejn tirrenja l-liġi tal-ġungla, fejn dixxiplina u infurzar ma jeżistu mkien, fejn kulħadd jgħaffeġ fuq xulxin jipprova jaħtaf kemm jista’ u fejn l-istituzzjoni jaħdmu lill-poplu flok jaħdmu għalih. Għax hekk jaqbillu l-gvern biex hu u niesu jiżgiċċawha u jagħmlu li jridu, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-gvern hu b’saħħtu biss maż-żgħir.

Hu kompla li omm, li qed taħdem f’Malta, tħallas it-taxxa,iżda tkun mifrudha minn binha u binha jkun deportat ta’ sebgħa snin bl-iskuża li ommu mhux taqla biżżejjed flus.

Hu kompla li s-sigurtà tant saret falliment li anke l-Prim Ministru jibża’ jħalli t-tifla toħroġ.

Mark Anthony Sammut kompla li mal-kriminali, jittieħdu l-iżbalji, wiehed wara l-iehor. Daqqa żball fl-akkużi, daqqa jsir deal u jfalli, daqqa żball fil-prosekuzzjoni u jispiċċa jaqa l-kaz u kulħadd jeħlisha ħafif. Mal-kriminali jsiru l-iżbalji iżda t-tfal ikunu mifrudin minn ommhom. Daqshekk hu Gvern bla qalb u bla ruħ, sostna d-deputat Nazzjonalista.

Il-pajjiż sar wieħed li fih kulħadd jipprova jgħaffeġ fuq xulxin, għax ta’ fuqna hekk jagħmlu.Il-konsegwenza hi li l-kuntratt soċjali tal-pajjiż tfarrak.

“Insejna x’jigifieri ġid komuni. Insejna x’jiġifieri komunità. Kif inkunu hemm għal xulxin. Dak il-kuntratt soċjali jiffranka l-bżonn ta’ ċertu infurzar, għax in-nies jimxu sew minn rajhom għax jafdaw f’xulxin, f’min imexxiehom u fl-awtoritajiet li jħarsuhom”, sostna d-deputat Nazzjonalista.

Issa l-bżonn tal-infurzar kiber iżda minflok kibru ir-riżorsi għall-infurzar, naqsu. Il-konsegwenzi huma li l-pajjiż issa jkejjel biss il-flus u mhux il-ferħ. Mhux ta’ b’xejn l-istatistika turi li l-Maltin saru l-iżjed poplu irrabjat, l-iżjed poplu indannat, inkwetat u anzjuż fl-Ewropa. Din hija ħasra, għax dan il-poplu jista’ jkun ħafna aħjar minn hekk, sostna d-deputat Nazzjonalista li kompla li hu jittama li l-komunità ta’ Għawdex u Malta tgħix flimkien b’ħafna iżjed trankwilità, fil-kwiet, fil-paċi.

Dan iseħħ li kieku, min imexxi, jibda hu jmexxi bl-eżempju, jiġġieled bis-serjetà l-kriminalità, u jdaħħal sens ta’ serjetà, ta’ dixxiplina u ta’ fiduċja f’xulxin, sostna d-deputat Nazzjonalista.