Lokali

L-ERA tilqa’ ċ-Chairperson ġdid, il-Perit Vincent Cassar

L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi tilqa’ l-ħatra tal-Perit Vincent Cassar bħala ċ-Chairperson il-ġdid tal-Bord tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi. Il-Perit Cassar kien ukoll approvat unanimament mill-Kumitat tal-Ħatriet Pubbliċi tal-Parlament ta’ Malta fis-seduta tagħhom tal-Erbgħa.

Il-Perit Cassar għandu esperjenza estensiva fir-rigward tas-servizz pubbliku, serva bħala Direttur Ġenerali tax-Xogħlijiet Pubbliċi, Chairman tal-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar u aktar tard bħala Chairman tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Kien ukoll l-Aġent Direttur responsabbli mill-Ħarsien tal-Ambjent fil-MEPA bejn l-2013 u l-2016. Matul il-karriera professjonali vasta tiegħu, ħadem f’setturi differenti fis-servizz pubbliku, fejn ikkontribwixxa f’aspetti marbuta max-xogħlijiet pubbliċi, il-ħarsien tal-patrimonju, ir-restawr, u l-immaniġġjar tal-iskart. Il-Perit Cassar kien involut ukoll direttament fit-twaqqif ta’ Strateġija Integrata għall-Immaniġġjar tal-Iskart Solidu għal Malta u Master Plan tad-Drenaġġ relatat għal Malta u Għawdex.

Iċ-Chairperson preċedenti, il-Professur Victor Axiak, temm il-mandat tiegħu ta’ seba’ snin, skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Ħarsien tal-Ambjent. L-ERA tixtieq tirringrazzja wkoll lill-Professur Axiak għas-servizz tiegħu matul il-mandat tiegħu bħala Chairperson tal-Bord tal-ERA u għall-kontribut validu tiegħu sa mit-twaqqif tal-Awtorità fl-2016.