Internazzjonali

L-Istati Uniti: Il-bużżieqa taċ-Ċina kienet parti minn ‘flotta’ ta’ inġenji assoċjati mal-missjonijiet ta’ spjunaġġ

Il-bużżieqa kbira – jew airship – li twaqqħet jiem ilu fuq it-territorju tal-Istati Uniti issa qed tissemma bħala parti minn flotta ta’ inġenji tal-ajru li ċ-Ċina x’aktarx li qed tuża għal missjonijiet ta’ sorveljanza f’ħames kontinenti tad-dinja.

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Antony Blinken, qal li l-Istati Uniti ma kenitx l-unika mira tal-ispjunaġġ issuspettat taċ-Ċina u meta l-Amerikani qasmu l-informazzjoni relatata ma’ geaxieren ta’ pajjiżi oħra. Il-bużżieqa inkwistjoni kienet twaqqgħet minn fighter-jet tal-Istati Uniti jiem wara li ntlemħet fl-ispazju tal-ajru tal-Amerikani u wara d-direttiva speċifika tal-President Joe Biden.

Madankollu, iċ-Ċina għadha tiċħad li l-bużżieqa kienet qed tintuża għal skopijiet ta’ spjunaġġ waqt li sostniet li din kienet ‘inġenju għall-evalwazzjoni tat-temp li spiċċa tbiegħed mir-rotta pjanata’.

Il-preżenza tal-bużżieqa qanqlet kriżi diplomatika u l-gazzetta Amerikana Washington Post irrappurtat li dan l-inġenju għal sorveljanza kien qed jitmexxa mill-provinċja ta’ Hainan fiċ-Ċina. Ingħad ukoll li l-Gvern komunista f’Beijing qed jaħdem fuq pjan biex jispjuna fuq is-siti sensittivi f’numru ta’ pajjiżi, fosthom il-Ġappun, l-Indja, il-Vjetnam, it-Tajwan u l-Filippini.

Dan waqt li kelliema għad-Dipartiment tal-Istat Amerikan tennew li ċ-Ċina bagħtet l-airships simili lejn l-Amerika t’Isfel, ir-reġjuni tal-Lvant u x-Xlokk tal-Asja u anki l-Ewropa.